STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Malta u l-Greċja sħab importanti fil-Mediterran
“Malta u l-Greċja huma sħab importanti fir-reġjun tal-Mediterran hekk kif flimkien naqsmu bosta opportunitajiet u sfidi komuni. Ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi hija waħda b’saħħitha u kommess li nkomplu ntejbuha”. Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali f’Malta mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja Nikos Dendias.
Matul il-laqgħa ġew diskussi l-possibiltajiet ta’ opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni u kummerċ. Kienet diskussa wkoll il-possibiltà li titwaqqaf il-Kamra tal-Kummerċ ta’ bejn Malta u l-Greċja hekk kif permezz tagħha tkun qed tiġi ffaċilitata aktar l-ħidma f’termini ta’ kummerċ. Il-Ministru Ian Borg sostna li hemm il-ħsieb ta’ kollaborazzjoni wkoll fl-oqsma tal-farmaċewtika u t-turiżmu.
Iż-żewġ ministri tkellmu wkoll dwar il-qagħda tar-reġjun Mediterran u l-isfidi li jeżistu, b’mod partikolari fejn tidħol l-immigrazzjoni. Il-Ministru Ian Borg reġa’ sostna dwar il-bżonn li jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt imsejjaħ “Valletta” li kien maqbul ftit tas-snin ilu, fejn tingħata aktar għajnuna lil min verament għandu bżonn. Bla dubju ta’ xejn l-isfidi fl-Unjoni Ewropea u l-kontinent, bħall-kriżi tal-enerġija u t-tibdil fil-klima, kienu wkoll fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa uffiċjali.
Flimkien mad-delegazzjoni tiegħu, il-Ministru Ian Borg ippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta lill-Ministru Dendias bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-sentejn li ġejjin. Huwa sostna li Malta se tkun dejjem qed tippromwovi d-djalogu favur il-paċi u sabiex jitħarsu l-prinċipji maqbula tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja Nikos Dendias saħaq li ż-żjara f’Malta hija waħda sinifikanti. Huwa qal li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu flimkien bosta valuri u hemm bżonn li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet li diġà huma tant b’saħħithom. Il-Ministru Dendias iddiskuta fid-dettall mal-Ministru Borg ix-xogħol li qed isir minn pajjiżna għall-preparamenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Huwa għamel ukoll stedina uffiċjali lill-Ministru Borg sabiex iżur Ateni fiż-żmien li ġej.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946