STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg b’laqgħat uffiċjali fl-Arabja Sawdija
Fuq stedina uffiċjali tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud, waqt żjara f'pajjiżna f'Awwissu li għadda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Ian Borg għamel żjara uffiċjali fil-pajjiż.
Matul iż-żjara, il-Ministru Borg kellu numru ta' laqgħat uffiċjali, fosthom mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud. Matul il-laqgħa, iż-żewġ ministri komplew isaħħu t-temi ta' kollaborazzjoni li qablu fuqhom fil-laqgħat f'Malta.
It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi kienet fuq nett tal-aġenda. Fil-fatt, il-Ministru Ian Borg kien ukoll akkumpanjat minn delegazzjoni Maltija tal-kummerċ immexxija minn Trade Malta.
Id-delegazzjoni Maltija kellha numru ta' laqgħat, fosthom mal-Kamra tal-Kummerċ tal-Arabja Sawdija u ma' bosta negozji Maltin u dawk tal-Arabja Sawdija sabiex jistabbilixxu relazzjoni li toffri aktar opportunitajiet kummerċjali.
“Inħares 'il quddiem biex fiż-żmien qarib inkunu nistgħu nisimgħu u nħabbru affarjiet pożittivi b'kollaborazzjoni msaħħa ma' dan il-pajjiż", sostna l-Ministru Ian Borg. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern Malti li jibqa' jassisti lin-negozji Maltin fejn ikun hemm bżonn biex ikun hemm aktar opportunitajiet.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Adel Al-Jubeir, il-Ministru tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, filwaqt li żar siti magħrufa bħal Al-Ula u Diriyah.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946