STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT: Laqgħa bilaterali bejn il-President ta’ Malta u l-President tal-Ġermanja
Saru taħdidiet uffiċjali bejn il-President George Vella u l-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Il-President Steinmeier irrefera għal-laqgħa Arraiolos tal-Kapijiet ta’ Stat, organizzata mill-President Vella, u qal li kienet okkażjoni tassew f’lokha meta jitqies it-taqlib fl-Ewropa. Iż-żewġ presidenti ddiskutew fit-tul l-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent mill-perspettiva tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. It-tnejn qablu li huwa importanti li l-pajjiżi kandidati u l-popli tagħhom jingħataw sinjali ċari ta’ inkoraġġiment u motivazzjoni.
Tkellmu fid-dettall ukoll dwar ix-xenarju l-aktar reċenti fl-Ukrajna, b’mod partikolari wara l-annessjonijiet illegali mir-Russja. Iż-żewġ presidenti ddiskutew ukoll l-iżviluppi fil-Mediterran, b’mod partikolari dawk fil-Libja.
Ingħatat ukoll ħarsa ġenerali lejn l-investiment Ġermaniż f’Malta tul l-għexieren tas-snin u l-President Vella qal li dan kellu rwol strumentali fit-tkabbir u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija.
Iż-żewġ presidenti ltaqgħu diversi drabi fil-passat, bl-aħħar darba tkun f’Berlin waqt żjara fil-Ġermanja mill-President George Vella f’Settembru tal-2021.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946