STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Tkabbir b’saħħtu fl-industrija tal-avjazzjoni
L-industrija tal-avjazzjoni qed tesperjenza tkabbir b'saħħtu u qed tattira interess barrani, hekk kif sal-ħarifa se jkunu ngħataw ħames Aircraft Operating Certificates oħra, filwaqt li r-reġistru tal-ajruplani tagħna, li s'issa diġà qabeż is-700 ajruplan, mistenni jaqbeż it-800 sas-sena d-dieħla.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza Malta Aviation Conference & EXPO (MACE).
MACE hija konferenza internazzjonali li titratta s-settur tal-avjazzjoni li ssir f'Malta kull sena. Din il-konferenza tattira numru ta' delegati minn madwar id-dinja.
Id-delegati li jattendu huma dawk li ta' kuljum jieħdu d-deċiżjonijiet f'dan is-settur u l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom. Ħafna minnhom iservu f'diversi rwolijiet eżekuttivi bħal Kapijiet Eżekuttivi, sidien ta' kumpaniji, investituri, flimkien ma' nies oħra li jaħdmu fl-industrija tal-avjazzjoni. Din il-konferenza hija pjattaforma għall-investituri u professjonisti li joperaw f'din l-industrija, biex jiltaqgħu ma' dawk li jipprovdu s-servizzi fuq livell lokali fl-industrija tal-avjazzjoni.
Il-Ministru Farrugia qal li din l-industrija b'saħħitha qed toħloq numru ta' impjiegi ta' kwalità f'pajjiżna.“Qegħdin naħdmu biex niżguraw li l-avjazzjoni tkun rikonoxxuta bħala settur ewlieni fl-ekonomija tagħna u tingħata r-rikonoxximent li tassew jixirqilha. L-impjiegi jiżviluppaw f'karrieri li jkattru t-talent, fejn it-talent li jeżisti jkun jista' jiġi mgħallem lill-ħaddiema żgħażagħ li huma interessati fis-settur tal-avjazzjoni."
Il-Ministru Farrugia kompla li, “Bħala gżira fil-periferija tal-UE, niddependu mill-avjazzjoni u għandna bżonn niddefendu l-interessi tagħna. Dak li jgħodd għalina definittivament mhux l-approċċ li neċessarjament jgħodd għal stati membri oħra. Ejja naħdmu flimkien favur avjazzjoni aktar ekoloġika li tkun sostenibbli kemm ambjentalment kif ukoll ekonomikament għal Malta."
Fuq nota simili, il-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta l-Brigadier Jeffrey Curmi stqarr li l-viżjoni tal-awtorità hi li tkompli tikber billi tattira aktar kumpaniji lejn Malta, iżda li dan it-tkabbir jeħtieġ li jkun sostenibbli.
“Jien konxju tal-fatt li l-aspettattivi jibqgħu għoljin. Għandna bżonn ninvestu fin-nies tagħna u f'teknoloġija ġdida biex nilħqu l-miri tal-futur, u dejjem nimmodernizzaw lilna nfusna mal-iżviluppi globali. L-għan tagħna hu li nħeġġu aktar ċittadini żgħażagħ Maltin biex ifittxu karrieri fl-industrija tal-avjazzjoni biex huma wkoll isibu impjieg mill-ħafna li qed jinħolqu f'din l-industrija," ikkonkluda l-Brigadier Curmi.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946