Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U PROĠETTI KAPITALI: Malta Maritime Summit 2022: Il-gvern ikompli jappoġġja l-industrja marittima

pr221299
Date Icon 04/10/2022

Malta taspira lejn bidla fl-industrija marittima u għal dan il-għan qed tiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni, u l-bilanċ bejn il-miri ekonomiċi u dawk ambjentali. Jekk dan il-bilanċ jintlaħaq, iwassal għal vantaġġ kompetittiv għall-operaturi. Huwa għalhekk li l-gvern jemmen f’approċċ globali fuq livell tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt il-ftuħ tal-Malta Maritime Summit 2022.

Dan is-summit ġabar flimkien ministri u uffiċjali marittimi internazzjonali biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed taffaċċja din l-industrija, u jiddiskutu t-triq ‘il quddiem lejn settur marittimu aktar sostenibbli u reżiljenti.

Fost il-parteċipanti hemm is-Segretarju Ġenerali tal-IMO Kitack Lim, il-Viċi Ministru għat-Tbaħħir ta’ Ċipru Vassilios Demetriades, il-Ministru tal-Greċja għall-Affarijiet Marittimi Ioannis Plakiotakis, u s-Segretarju tal-Istat tal-Portugall għall-Affarijiet Marittimi José Maria Costa.

Is-summit qed jiġi indirizzat ukoll mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Virginijus Sinkevičius, u l-Kummissarju Ewropew għat-Trasport Adina Vălean. 

F’konformità mal-istrateġija tal-gvern, qed tingħata importanza lis-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni, u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. 

Il-Ministru Farrugia qal li l-gvern huwa kommess li jkompli jippromwovi u jappoġġja b’mod attiv l-industrija marittima filwaqt li appella għall-viżjoni u l-kuraġġ biex issir aktar bidla u jsir aktar investiment. 

Aaron Farrugia qal li dan is-summit wasal ftit jiem biss wara li l-komunità marittima internazzjonali, nhar il-Ħamis li għadda, iċċelebrat il-Jum Dinji Marittimu. Bit-tema “New Technologies for Greener Shipping”, f’din l-okkażjoni l-gvern afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lill-IMO bħala l-katalista ewlenija għall-industrija tat-tbaħħir sostenibbli. Diġà ttieħdu azzjonijiet sinifikanti biex jitnaqqsu l-effetti negattivi ta’ dan is-settur fuq l-ambjent, hekk kif qed tiġi implimentata l-mira tal-IMO biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-vapuri b’50% sal-2050.

Il-ministru sostna li s-sostenibbiltà hija kruċjali biex wieħed ikun jista’ jkompli juża l-potenzjal enormi tal-baħar ta’ madwarna, u li filwaqt li l-iżvilupp ta’ din l-industrija hija mmexxija fil-biċċa l-kbira mill-privat, il-gvern għandu rwol importanti li jappoġġja politiki u inizjattivi li jistimulaw it-tkabbir u s-sostenibbiltà. Fl-istess waqt, huwa tenna li Transport Malta se tkompli jkollha rwol attiv fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, b’tiġdid kontinwu tal-Att dwar il-Bastimenti Merkantili li se jwassal lill-awtorità biex tkun waħda mill-iktar kompetittivi fl-Ewropa u fid-dinja. 

“Is-settur marittimu huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija u huwa settur kruċjali għall-konnettività tal-gżira mal-bqija tad-dinja. Matul is-snin, tħabbru numru ta’ stejjer ta’ suċċess, bħal ġuriżdizzjoni ewlenija għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri u jottijiet, transhipment hub ewlieni fil-Mediterran, port ewlieni għall-cruise liners, u pajjiż li joffri faċilitajiet ewlenin ta’ tiswija ta’ vapuri u jottijiet. Dawn l-istejjer ta’ suċċess kollha huma konferma li Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima. Dan kien possibbli biss grazzi għad-dedikazzjoni u l-impenn ta’ ħafna nies li jaħdmu biex ipoġġu lil Malta fuq il-mappa dinjija”, temm jgħid il-Ministru Farrugia.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U PROĠETTI KAPITALI: Malta Maritime Summit 2022: Il-gvern ikompli jappoġġja l-industrja marittima
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U PROĠETTI KAPITALI: Malta Maritime Summit 2022: Il-gvern ikompli jappoġġja l-industrja marittima
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Ċertifikazzjoni internazzjonali tal-ogħla livell għad-dipartiment tar-radjoterapija fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

PR261947

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Aktar minn 1,800 student jiggradwaw mill-Università ta’ Malta

PR261946

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 1,800 stu...

More Press Releases Right arrow