STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Suċċess għal Summer on the Move - jitħabbru l-Ambaxxaturi għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport
Bħas-snin li għaddew, Malta se tipparteċipa fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li se ssir fl-aħħar ġimgħa ta' Settembru, ġimgħa ta' attivitajiet mifruxa mal-Ewropa kollha li għandha l-għan li tippromwovi stil ta' ħajja aktar attiv lil miljuni ta' nies kemm fl-Ewropa kif ukoll f'pajjiżi lil hinn mill-Ewropa.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' din il-ġimgħa huwa li tqum kuxejnza dwar l-istil ta' ħajja li qed ngħixu, speċjalment meta l-istatistika turi li numru sostanzjali ta' persuni madwar l-Ewropa, inkluż f'pajjiżna stess, ma jgħixux ħajja bilanċjata li fiha jdaħħlu l-element importanti ta' sport u eżerċizzju fiżiku.
“Permezz ta' SportMalta u l-kampanja #BeActive, qed nippromwovu l-isport u l-attività fiżika matul is-sena kollha u sa minn età żgħira fl-iskejjel tagħna, għaliex irridu li s-soċjetà tkun konxja tal-importanza tal-attività fiżika u li tipparteċipa b'mod aktar attiv f'attivitajiet sportivi u fiżiċi," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
It-tnedija tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport saret wara li nhar il-Ġimgħa li għaddiet ġiet fi tmiemha attività oħra sportiva ta' SportMalta, il-programm tant popolari Summer on the Move, li din is-sena ġibed il-parteċipazzjoni ta' 3,028 persuna ta' kull età.
Il-Ministru Grima flimkien ma' Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta' SportMalta, taw dettalji tal-attivitajiet li se jsiru u ħabbru wkoll il-ħames Ambaxxaturi tal-Isport marbuta mal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dawn se jkunu l-atleta paralimpiku Thomas Borg, l-atleta tal-weightlifting Tenisha Thornton, l-uffiċjal tal-waterpolo Ronnie Spiteri, l-atleta tal-Judo Katryna Esposito u l-atleta tal-Ispecial Olympics Sam Micallef. Dawn l-ambaxxaturi permezz tal-popolarità u s-suċċess tagħhom se jkunu parti integrali minn din il-ġimgħa biex jippromwovu l-attività fiżika fil-ħajja ta' kuljum, fost oħrajn billi jispiraw udjenzi ġodda u jressquhom lejn l-isport.
Mark Cutajar ta dettalji dwar l-attivitajiet li se jsiru f'din il-ġimgħa, fosthom #BeActive Night fl-24 ta' Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera u l-avveniment prinċipali fuq skala nazzjonali li se jsir fil-25 ta' Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa bil-parteċipazzjoni rekord ta' 28 assoċjazzjoni jew għaqda sportiva. Il-Jum Ewropew tal-Isport fl-Iskejjel se jsir fl-14 ta' Ottubru f'diversi skejjel madwar il-gżejjer.
Is-Sur Cutajar aċċenna għall-messaġġ tal-kampanja dwar kemm l-attività fiżika hija importanti għal kulħadd. “Nawgura li din l-inizjattiva tkun biss l-ewwel pass biex il-poplu jgħix ħajja aktar attiva, filwaqt li nistieden aktar persuni jkunu parti minn #BeActive biex ikollna mhux biss ċittadini b'saħħithom imma jkollna soċjetà aktar sana", qal is-Sur Cutajar.
Il-Ministru Clifton Grima, filwaqt li enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta' kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, qal li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għandha sservi biex tipromwovi aktar azzjoni favur l-attività fiżika.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946