STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Malta tassigura eżenzjoni mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal tnaqqis mandatorju fl-użu tal-gass
Bħala gżira maqtugħa min-network Ewropew tal-gass, Malta se tkompli taħdem biex tippromwovi enerġija rinnovabbli u aktar effiċjenti
Malta assigurat eżenzjoni minn regolament mandatorju tal-Kummissjoni Ewropea biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jnaqqsu l-użu tagħhom tal-gass bi 15% f'każ ta' emerġenza fis-sigurtà tal-provvista.
F'laqgħa straordinarja tal-Ministri tal-Enerġija fi Brussell, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, għamlet il-każ ta' Malta bħala gżira maqtugħa minn-network tal-gas Ewropew. Sostniet li fil-każ speċifiku ta' Malta, fejn il-qalba għal fjuwils mhix għażla vijabbli, it-tnaqqis mandatorju jkun ta' detriment kemm għan-negozji u għall-familji.
Kuntrarjament għal bosta pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta mhix mqabbda man-network Ewropew tal-gass u l-użu tal-LNG huwa esklussivament ristrett għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, Malta tirċievi l-kunsinji abbażi ta' skeda permezz ta' ftehim għall-provvista tal-gass.
“Ninsabu magħquda mal-bqija tal-Unjoni Ewropea biex ngħaddu messaġġ b'saħħtu ta' solidarjetà u koperazzjoni biex nissalvagwardjaw iċ-ċittadini tagħna u nassiguraw is-sigurtà tal-provvista. Minkejja li Malta hija eżenta mir-tnaqqis mandatorju ta' 15% fl-użu tal-gass, se nkomplu naħdmu biex inżidu s-sehem rinnovabbli u ninċentivaw lin-negozji u l-familji biex jagħmlu l-qalba għal operat b'enerġija effiċjenti u mudelli ta' enerġija rinnovabbli", qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Sitt ijiem ilu l-Kummissjoni Ewropea pproponiet mira mandatorja għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jaqtgħu l-użu tal-gass bi 15% minn Awwissu sa Marzu. Dan imqabbel mal-medja tal-konsum fl-istess perjodu bejn l-2016 u l-2021. Magħrufa bħala 'Union Alert System', din il-proposta ddawwar it-tnaqqis volontarju għal wieħed mandatorju.
“Li ma jkollokx aċċess għad-distribuzzjoni Ewropea tal-gass ma jfissirx li Malta hija ħielsa għall-ispejjeż finanzjarji li qed tesperjenza l-Ewropa. Irridu nkomplu naħdmu għax din is-sitwazzjoni ċertament li mhix 'business as usual'", insistiet il-Ministru Miriam Dalli.
Biex tilħaq id-domanda tal-elettriku tagħha, Malta tiddependi parzjalment fuq l-Italja. Il-prezzijiet għolew għal-livelli bla preċedent, b'żieda qawwija ta' €650 għal kull megawatt fis-siegħa, b'riżultat tal-prezz tal-gass.
“Huwa kruċjali li s-suq jirċievi sinjal ċar biex titnaqqas iż-żieda kontinwa tal-prezzijiet tal-gass li qed tiġi riflessa fil-prezzijiet tal-elettriku. Kull bidla li issir fuq livell tal-Unjoni Ewropea se jkollha impatt dirett, partikolarment f'xenarju fejn qed nesperjenzaw prezzijiet tal-enerġija ogħla u volatili. Dan minkejja li l-Gvern Malti qed ikompli jassisti lin-negozji u lill-familji biex inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli", żiedet tgħid il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Dalli sostniet li r-realtajiet li qed naffaċjaw illum juru l-importanza u l-urġenza li jkollna networks Ewropej tal-idroġenu u l-elettriku. Bħalissa Malta qed taħdem qatigħ biex ikollna żieda akbar ta' enerġija rinnovabbli u ssir il-qalba lejn enerġija aktar nadifa.
Filwaqt li l-familji huma mħeġġa jaqilbu għall-użu t'enerġija rinnovabbli, jużaw solar water heaters u heat pumps u jibdlu l-appliances u apparat għal wieħed aktar effiċjenti, l-istess qed isir għall-industrija, fejn in-negozji qed jingħataw l-appoġġ biex jinvestu jinvestu f'apparat effiċjenti u f'soluzzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija.
Il-Ministru Miriam Dalli tenniet għal aktar fondi Ewropej favur proġetti innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, inkluż fil-Mediterran, biex joħolqu opportunitajiet ta' investiment f'teknoloġiji fuq il-baħar.
“Il-prijorità trid tkun il-qalba għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli li jistgħu jgħinuna b'alternattivi aktar nodfa u inqas dipendenti. Din hija sfida imma deċiżi li nimxu f'din id-direzzjoni", irrimarkat il-Ministru Dalli.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946