STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport Annwali u Rapporti Finanzjarji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – 2021
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta r-rapport imsemmi hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.
Fid-daħla tar-rapport, l-Awditur Ġenerali jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-kompiti, l-attivitajiet, l-iżviluppi u l-kisbiet tal-NAO għall-2021. B'mod partikolari, huwa jiddeskrivi għadd ta' inizjattivi meħuda mill-Uffiċċju biex ikejjel il-prestazzjoni tiegħu u jsaħħaħ aktar il-metodoloġiji tal-awditjar tiegħu. Huwa jirreferi wkoll għad-diversi tħejjijiet li qed isiru biex fl-2022 jiġi ċċelebrat l-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika bħala Istituzzjoni indipendenti tal-Awditjar bis-saħħa ta' emendi għall-Kostituzzjoni permezz tal-Artikolu 108, u l-promulgazzjoni tal-Att tal-1997 dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Biex jiċċelebra dan l-avveniment importanti, l-Uffiċċju qed jippjana l-pubblikazzjoni ta' ktieb dwar l-Uffiċċju li se jinkiteb skont standards akkademiċi.
Id-Deputat Awditur Ġenerali jirrifletti fuq l-Istrateġija tal-NAO għall-perjodu 2019-2023 u jiddelinja d-diversi kisbiet tagħha. Huwa jsemmi b'mod partikolari l-eżerċizzju tal-Qafas tal-Kejl tal-Prestazzjoni tal-NAO, li jikkonsisti f'eżami ta' awtovalutazzjoni tad-diversi proċessi ta' awditjar u amministrattivi fl-Uffiċċju. Huwa jressaq ukoll għadd ta' kunsiderazzjonijiet li għandhom ikunu meqjusa fl-abbozzar tal-istrateġija li jmiss għall-perjodu 2024-2028.
Ir-rapport jinkludi wkoll artiklu ta' Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati, li jiġbor fil-qosor dawk id-deċiżjonijiet ta' relevanza għall-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
L-ewwel parti tar-rapport tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-ambjent estern li fih opera l-NAO fl-2021 u l-kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw lill-Uffiċċju. Dawn kienu jinkludu: il-finanzi pubbliċi; in-nefqa tal-Gvern u tal-UE fuq il-COVID-19; proġetti infrastrutturali u investimenti (kofinanzjati mill-UE); żviluppi u riformi fi ħdan is-Servizz Pubbliku; u r-riforma tal-ġestjoni finanzjarja. Jiddeskrivi wkoll f'ċertu dettall ir-riżultati u l-output tad-diversi Taqsimiet tal-awditjar u amministrattivi tal-NAO kif ukoll l-istruttura ta' governanza tal-NAO.
Din il-parti tar-rapport tagħmel referenza wkoll għall-parteċipazzjoni tal-NAO f'għadd ta' attivitajiet lokali u internazzjonali. Dawn jinkludu l-parteċipazzjoni attiva tan-NAO f'laqgħat organizzati mill-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-UE; l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (l-INTOSAI). Issir referenza wkoll għas-seminar annwali organizzat b'mod konġunt mill-NAO u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Is-seminar sar fit-2 ta' Novembru bit-tema: "Nindirizzaw Kwistjonijiet Emerġenti Ewlenin permezz tal-Awditjar Pubbliku."
L-Ewwel Parti tintemm b'rapport dwar ir-relazzjonijiet tal-Uffiċċju mal-partijiet interessati interni u esterni tiegħu, il-Parlament, l-entitajiet awditjati, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-pubbliku, l-impjegati, il-parteċipazzjoni ta' uffiċjali għolja tan-NAO fil-bordijiet tal-UE u l-parteċipazzjoni fi gruppi ta' ħidma u kumitati domestiċi. Jippreżenta r-riżultati ta' żewġ stħarriġijiet, wieħed lill-partijiet awditjati, u wieħed lill-pubbliku inġenerali, bil-għan li jivvaluta l-prestazzjoni ġenerali tal-Uffiċċju.
It-Tieni Parti tar-Rapport tinkludi deskrizzjoni tal-mudell tan-negozju tal-NAO. Dan il-mudell jirrappreżenta l-proċessi li jittrasformaw id-diversi inputs tal-Uffiċċju għall-outputs u l-eżiti li joħolqu valur fuq medda ta' żmien tad-diversi kapitali tan-NAO – kapital finanzjarju, kapital intellettwali, kapital manifatturat, kapital uman, kapital soċjali u ta' relazzjoni, u kapital ambjentali. Din il-parti tiddeskrivi wkoll ir-riskji u l-opportunitajiet preżenti fl-ambjent tal-NAO li jaffettwaw il-kapaċità li jwettaq il-mandat tiegħu b'mod effettiv u b'hekk joħloq valur fuq medda ta' żmien.
Jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-Istrateġija tal-NAO u x-xogħol u l-eżiti tas-sitt gruppi ta' azzjoni ta' strateġija stabbiliti biex jimplimentawha; kif ukoll jiddeskrivi l-applikazzjoni tagħhom għall-awditjar tal-Uffiċċju u proċessi oħra. It-Tieni Parti tintemm bil-ħarsa tal-NAO għall-futur, b'mod partikolari, il-pjanijiet tiegħu li jibni fuq suċċessi tal-passat, u jtejjeb l-operazzjonijiet tad-diversi Taqsimiet tal-Awditjar u Amministrattivi tiegħu.
Ir-Rapporti Finanzjarji awditjati tal-Uffiċċju huma ppreżentati fit-Tielet Parti tar-Rapport.
Aċċess għal dan ir-Rapport mill-website tal-NAO www.nao.gov.mt jew fuq mill-paġna ta' tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Video b'rabta ma' dan ir-rapport huwa aċċessibbli mil-link: https://fb.watch/e51M21R8QS/
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946