STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Sheffield
Ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Università ta' Sheffield li permezz tiegħu se titkattar il-koperazzjoni akkademika abbażi ta' riċerka bejn iż-żewġ pajjiżi.
Permezz tal-ftehim se tiġi ffaċilitata r-riċerka akkademika fil-qasam tad-dijabete u l-endokrinoloġija u se jibbenefikaw kemm konsulenti u akkademiċi, kif ukoll studenti universitarji fil-mediċina.
Din is-sħubija se tara fost oħrajn li jitwettqu proġetti ta' riċerka konġunta bejn konsulenti u akkademiċi minn Malta u Sheffield. Dan il-ftehim se jwassal ukoll għal djalogu ma' riċerkaturi ta' Sheffield biex ikun hemm għajnuna fl-iżvilupp ta' mogħdijiet akkademiċi għall-individwi Maltin, dan sabiex bħala parti mit-taħriġ speċjalizzat l-istudenti jkunu jistgħu jqattgħu sena jew sentejn f'Sheffield biex jagħmlu riċerka u jattendu kliniċi ta' speċjalità. Studenti tal-mediċina fl-Università ta' Malta u ħaddiema fil-kura tas-saħħa se jkunu eliġibbli sabiex japplikaw ukoll għall-MSc fl-Endokrinoloġija u d-Dijabete.
Il-Ministru Clifton Grima faħħar dan il-ftehim għaliex se jagħti aktar opportunitajiet lill-istudenti. Huwa qal, “Din hija kollaborazzjoni li permezz tagħha l-istudenti universitarji se jibbenefikaw minn programmi ta' riċerka kif ukoll minn għajnuna oħra li huma opportunitajiet prestiġġjużi għalihom. Din il-kollaborazzjoni se tkun ta' benefiċċju mhux biss għall-istudenti, imma wkoll għas-settur tas-saħħa b'mod ġenerali".
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “Dan il-memorandum of understanding huwa fundamentali għaliex permezz tal-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Università ta' Sheffield ser tiġi offruta iktar riċerka biex intejjbu l-għarfien u l-abiltajiet tal-persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa billi anke jiġu offruti opportunitajiet sabiex jesperjenzaw il-ħidma u r-riċerka fi kliniċi f'Sheffield".
Min naħa tiegħu Dr Miguel Debono, Konsulent fl-Endikronoloġija u Senior Lecturer Onorarju fl-Università ta' Malta, qal li permezz ta' riċerka kwalitattiva u kwantitattiva hemm il-possibbiltà li wieħed jiskopri u jiżviluppa ideat li jbiddlu u jirrevoluzzjonaw il-mod ta' kif naħdmu fis-saħħa, u b'kollaborazzjoni ma' ċentru tar-riċerka ta' reputazzjoni mondjali, kif inhi l-Università ta' Sheffield, ħa naħdmu flimkien biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Professur Richard Ross mill-Università ta' Sheffield u minn Matthew Vella, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946