STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul jindirizza l-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol: Eluf t’impjiegi salvati waqt il-pandemija
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul indirizza l-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol ġewwa l-binja tal-Ġnus Magħquda fl-Iżvizzera. Fl-indirizz tiegħu lill-konferenza, Dr Ellul saħaq li d-dinja tax-xogħol qed tevolvi b'mod mgħaġġel, hekk kif l-ekonomiji globali qed jaffaċċjaw diversi sfidi, inkluż dawk marbuta mat-tħejjija għal żviluppi ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-pandemija affetwat kemm lill-vulnerabbli, u anke dawk li kienu aktar b'saħħithom, u għaldaqstant il-Gvern Malti kellu jintervjeni sabiex jipproteġi x-xogħlijiet u t-tkabbir li l-pajjiż kien esperjenza fis-snin preċedenti. “Għaldaqstant, rajna li nimplimentaw diversi benefiċċji li jipproteġu x-xogħol, kemm permezz tal-iskema tal-Wage Supplement, kif ukoll arranġamenti ta' xogħol aktar flessibbli," kompla Dr Ellul.
“L-iskema tal-Wage Supplement kienet essenzjali biex tipproteġi l-impjiegi ta' individwi li jaħdmu f'setturi li l-aktar li ġew affetwati mill-pandemija, fosthom l-ospitalità u l-imnut. Apparti hekk, l-arranġamenti ta' xogħol aktar flessibbli kienu essenzjali biex salvaw mal-25,000 impjieg," innota s-Segretarju Parlamentari.
Dr Ellul saħaq li l-Gvern jinsab ħerqan sabiex ikompli jaħdem fuq l-inklużjoni soċjali, il-mobilità soċjali, u anke l-irkupru mill-impatt ta' sfidi bħal dik tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna, fost oħrajn. “Filwaqt li l-kundizzjonijiet globali ma jirrendux dawn il-miri bħala miri faċli, li hu żgur hu li se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibnu futur aħjar," ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Ellul.
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946