STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Imħabbra sistema innovattiva ġdida ta’ risk assessment bla ħlas
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), Dr Mark Gauci, ippreżenta sistema innovattiva ġdida li tgħin lin-negozji ż-żgħar u lil dawk li jħaddmu inqas minn għaxar persuni sabiex jagħmlu risk assessment mingħajr il-bżonn li jqabbdu esperti minn barra n-negozju.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li kull negozju jkollu b'mod regolari jixtri jew juża prodotti u servizzi sabiex jibqa' kompetittiv, jagħmel profitt u jirnexxi. L-OiRA (Online Interactive Risk Assessment) hija għodda bla ħlas utli ħafna għal kull post tax-xogħol partikolarment għan-negozji ż-żgħar għax hija sistema interattiva sempliċi li tintuża minn kulħadd. Il-ministru saħaq ukoll dwar il-ħtieġa li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jibdew jitqiesu minn min jimpjega jew imexxi bħala riskju tan-negozju daqs kwalunkwe riskju ieħor.
Dr Gauci spjega li l-OiRA hija pjattaforma diġitali mingħajr ħlas li tkopri diversi setturi u li ġiet żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. “Minħabba l-irwol sinjifikanti li għandhom l-intrapriżi ż-żgħar u medji kemm fis-soċjetà kif ukoll fl-ekonomija, wieħed jifhem aktar l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema f'kull post tax-xogħol", saħaq Dr Gauci.
Ġie spjegat kif l-OiRA tgħin lill-intrapriżi jaqdu l-obbligu legali tagħhom mingħajr ħlas fir-rigward ta' risk assessment u toffri wkoll soluzzjonijiet interattivi.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm billi rringrazzja lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol f'Malta għax-xogħol siewi li qed tagħmel u għar-riżultati pożittivi li qegħdin naraw. Irringrazzja wkoll lill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għall-inizjattivi li tieħu u għall-appoġġ li toffri biex ikun hemm tqassim ta' informazzjoni teknika, xjentifika kif ukoll ekonomika bejn il-partijiet interessati u tal-materjal promozzjonali li ġie prodott.
L-OiRA tista' tiġi aċċessata minn hawnhekk: https://oiraproject.eu/en/oira-tools
Other Press Releases:
PR261947
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Ċ...
PR261946