STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI Reġistru elettorali ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern
Il-Kummissjoni Elettorali tinforma lil kulħadd li għadhom kemm ġew ippubblikati r-reġistri elettorali riveduti għall-elezzjonijiet ġenerali, għall-kunsilli lokali u għall-Unjoni Ewropea fil-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta' April, 2022. Kull min kellu l-kwalifiki meħtieġa biex ikun reġistrat bħala votant skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354), u/jew skont l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) u/jew skont l-Att dwar l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew (Kap. 467), sad-data tal-għeluq, il-31 ta' Marzu, 2022, u ismu ma ġiex inkluż fir-reġistru rispettiv u kull votant li ismu, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tiegħu mhumiex murija b'mod korrett, għandu, skont l-artikolu 39 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, sa nhar it-Tlieta s-17 ta' Mejju, 2022, sabiex jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issirlu korrezzjoni fil-partikolaritajiet tiegħu fir-reġistru elettorali rispettiv.
Kull votant reġistrat li:
- Jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta' xi persuna għandu jinqata' barra mir-reġistru għax din m'għandhiex il-kwalifiki meħtieġa; jew
- Jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta' xi persuna mhumiex murija b'mod korrett fir-reġistru;
jista' wkoll, skont l-artikolu 40 tal-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali jagħmel appell għal dan il-għan lill-Uffiċjal Reviżur, sa nhar it-Tlieta s-17 ta' Mejju, 2022.
Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista' tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan ma jsirx jista' jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm ġenerali kif ukoll għall-kunsilli lokali, għall-Parlament Ewropew jew referenda.
Ta' min jinnota li uffiċjal reviżur jista' jordna li l-isem ta' xi persuna jiġi inkluż, jew li ssir korrezzjoni ta' isimha, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra tagħha fir-reġistru jew li titħassar ir-reġistrazzjoni tagħha mir-reġistru minkejja li ma tkun saret ebda applikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni għal dak il-għan.
Min jixtieq jara r-reġistri kollha jista' jarahom fl-Uffiċċju Elettorali. Ir-eeġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi. Barra minn hekk, wieħed jista' jara jekk hux reġistrat bħala votant f'dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, www.electoral.gov.mt, fis-sezzjoni 'Pubblikazzjonijiet' u jagħfas il-buttuna 'Nista' nivvota?' jew il-buttuna 'Fittex fir-Reġistri'.
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947