STQARRIJA MILL-KUMMISSJONI ELETTORALI: Elezzjoni Ġenerali – 26 ta’ Marzu, 2022 – Irtirar ta’ Dokumenti għall-Votazzjoni
Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar li l-Ħamis, l-24 ta' Marzu, 2022 huwa l-aħħar jum li fih jista' jsir l-irtirar tad-dokumenti għall-votazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar (Eks-Trade Fair Grounds, faċċata tal-grawnd tal-futbol) u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, għall-votanti reġistrati f'Għawdex. Il-ħinijiet nhar il-Ħamis se jkunu mit-8.00 am sas-1.00 pm u mit-3.00 pm sa nofsillejl. Kull persuna li trid tiġbor id-dokument għandha tmur personalment l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu d-dokument mingħand il-Kummissjonarji Elettorali. Dawn il-votanti għandhom jieħdu magħhom il-Karta tal-Identità. L-ebda dokument ieħor ma jista' jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Il-Kummissjoni Elettorali qed toffri lil dawk il-morda li ma jkunux jistgħu joħorgu mill-karozza privata faċilitajiet apposta biex ikun jista' jingħatalhom id-dokument mill-Kummissjonarju fl-istess karozza li waslithom sal-bieb tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali.
Skont il-liġi ma jistgħux jiġu stampati, jitqassmu jew jinġabru dokumenti tal-vot fil-25 u fis-26 ta' Marzu, 2022.
Mingħajr dokument għall-votazzjoni, ħadd ma jkun jista' jivvota nhar jum il-votazzjoni.
Other Press Releases:
PR261948
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA ...
PR261947