STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT Skema biex titnaqqas il-lista ta’ stennija għall-occupational therapy fis-CDAU
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli ħabbru skema li se tnaqqas il-lista ta' stennija preżenti li hemm għas-servizzi tal-Occupational Therapy fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU).
Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed toħroġ skema li permezz tagħha occupational therapists privati se jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom għall-pazjenti tas-CDAU u jħallas għalihom il-Gvern.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif madwar id-dinja kollha kien hemm numru ta' servizzi tas-saħħa li minħabba l-pandemija kellhom jitwaqqfu jew jiġu limitati. F'Malta ukoll, tul l-eqqel tal-pandemija, kien hemm servizzi li kellhom jitwaqqfu għal xi żmien, biex ir-riżorsi umani intużaw fejn kien aktar urġenti bil-konsegwenza li żdiedu ċertu listi ta' stennija.
“F'ħafna setturi bħal fl-MRI rnexxielna nerġgħu nnaqsu ż-żmien ta' stennija għal dak li kien qabel il-COVID-19 u anke aħjar, l-istess f'numru t'operazzjonijiet oħra. Dan sar anke permezz ta' kollaborazzjoni mal-privat, fejn isir outsourcing ta' numru ta' servizzi. Huwa dan l-istess kunċett li qegħdin indaħħlu fl-Occupational Therapy tat-tfal," qal id-Deputat Prim Ministru.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega li fejn jidħol dan is-servizz fl-aħħar snin kien hemm żewġ sfidi prinċipali li tawwal iż-żmien ta' stennija, il-pandemija u kif ukoll azzjonijiet industrijali mal-UĦM li tefgħu l-appuntamenti aktar lura. Huwa fisser kif l-iskema imħabbra tippermetti li japplikaw occupational therapists li jaħdmu mal-privat, u kif ukoll dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku li jkunu diġà laħqu l-kwota ta' pazjenti tul il-ħin normali tax-xogħol. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema tas-CDAU għax-xogħol li jagħmlu mat-tfal li jattendu għas-servizzi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li dan hu pass kruċjali u meħtieġ għall-inklużjoni. Saħqet li hi kruċjali l-early intervention u li ssir dijanjosi bikrija sabiex tiġi identifikata malajr il-kundizzjoni tat-tifel jew tifla li l-professjonisti jkollhom quddiemhom u t-tfal b'diżabilità jibdew jieħdu t-terapija mill-aktar fis possibbli.
Il-Ministru Farrugia Porteli qalet ukoll li bl-istess mod l-occupational therapy li tkun meħtieġa tkun tista' tibda tingħata mingħajr dewmien u ma jintilfux snin kruċjali fl-iżvilupp tat-tfal.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa stqarr li wara diskussjonijiet bejn l-Awtoritajiet għas-Saħħa u l-Kurja, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, kien deċiz li l-attivitajiet bilwieqfa se jkunu permessi mill-10 ta' April 2022.
Dwar il-persuni li ġejjin mill-Ukraina għall-ażil, id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega li se ssir eċċezzjoni mir-restrizzjonijiet marbuta mal-pajjiżi tal-lista l-ħamra skura, sabiex dawn il-persuni jidħlu f'pajjiżna, dan filwaqt li f'dan il-każ biss, l-kwarantina ta' 14-il jum tista' ssir f'residenza privata identifikata, minflok fil-lukanda tal-kwarantina jekk dawn il-persuni ikollhom din l-opportunità. Huwa tenna li din l-eċċezzjoni tingħaqad mal-għajnuna umanitarja li Malta qed toffri lill-Ukraina, permezz ta' kordinazzjoni mal-HERA, li biha pajjiżna qed joffri li jibgħat mediċini u jilqa' pażjenti tal-onkoloġija għall-kura fis-Sir Anthony Mamo Oncology Center.
Other Press Releases:
PR261949en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261949