Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: €90 miljun għall-pjan ta’ azzjoni ta’ Enemalta biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku

pr220240
Date Icon 19/02/2022

Beda jitwettaq il-pjan ambizzjuż ta' Enemalta biex sal-2027 tkun investiet mad-€90 miljun biex issaħħaħ is-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku. Dan bil-għan li tiżdied l-istabbiltà fil-provvista tal-elettriku għall-familji u n-negozji. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat li Enemalta qed taċċellera pjan ta' azzjoni biex isiru investimenti varji li flimkien għandhom l-għan li jsaħħu n-network tal-pajjiż.

“Dan il-gvern wera l-impenn tiegħu mhux biss li jżomm prezz stabbli għall-elettriku iżda li tkun garantita l-istabbiltà tal-provvista, minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin l-Enemalta qed taħdem biex timmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż biex tindirizza kemm l-apparat antik u ż-żieda fid-domanda", qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Id-domanda tal-elettriku qed tiżdied b'aktar minn 10% fis-sena, grazzi għat-tkabbir tal-ekonomija u t-titjib fil-kundizzjonijiet soċjali. 

“Biex insaħħu s-sistema ta' distribuzzjoni, Enemalta qed talloka mal-€15-il miljun fis-sena. Fost oħrajn, dan il-pjan jinkludi żieda ta' bejn 40 u 50 substation ġdida kull sena, liema substations se jkunu awtomatizzati."

L-investiment f'substations ġodda waħdu jaqbeż iż-żewġ miljun ewro fis-sena. Barra minn hekk, l-immodernizzar ta' substations eżistenti, inkluż it-tibdil ta' switchgears u l-awtomazzjoni, huwa ta' madwar miljun u nofs fis-sena.

Filwaqt li din is-sena, aktar minn kwart tas-substations madwar Malta u Għawdex se jkunu awtomatizzati, din iċ-ċifra se tkun qed tirdoppja sal-2027. Huwa mistenni li n-numru ta' substations jitla' għal 1,900 biex b'hekk 950 substation ikunu awtomatizzati. B'din il-mira, in-network tal-pajjiż ikun kollu awtomatizzat.

Fil-preżentazzjoni tiegħu lill-ġurnalisti, iċ-chairman tal-Enemalta, l-Inġinier Jonathan Scerri saħaq li Enemalta tat spinta lit-twettiq ta' proġetti u interventi varji, bħala parti mill-ewwel fażi tal-pjan ta' azzjoni.

“B'dawn l-investimenti s-sistema tad-distribuzzjoni tkun tista' tlaħħaq maż-żieda fid-domanda għall-elettriku, jonqsu l-interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku, u jitqassar il-ħin tal-interruzzjonijiet", spjega l-Inġ. Scerri.

Interventi oħrajn li qed isaħħu s-sistema ta' distribuzzjoni jinkludu t-tibdil tal-linji u l-installazjoni ta' line voltage regulators f'diversi lokalitajiet bħal Ħad-Dingli, l-Imtaħleb u l-Kalkara.

Investimenti kapitali oħra jinkludu t-tkabbir taċ-ċentri tad-distribuzzjoni ta' Ħal Tarxien, l-Imrieħel u Marsaskala u l-bini ta' Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar.

“Dawn il-proġetti bejniethom jinvolvu investiment ta' madwar €15-il miljun," qal l-Inġ. Scerri.

Il-Ministru Dalli fakkret li l-pajjiż qed jaħseb għal aktar stabbiltà fil-provvista tal-elettriku permezz tat-tieni interconnector. Għal dan il-għan, Enemalta se tinvesti €6 miljun f'cable tal-132kv mill-Magħtab għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Mosta.

“Nirringrazzja lill-ħaddiema u t-tekniċi tal-Enemalta li qed jaħdmu lejl u nhar biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-klijenti u tassigura li l-pajjiż ikollu provvista stabbli ta' enerġija elettrika. Din hija ħidma kontinwa, inkluż b'manutenzjoni regolari tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku", ikkonkludiet Miriam Dalli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: €90 miljun għall-pjan ta’ azzjoni ta’ Enemalta biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: €90 miljun għall-pjan ta’ azzjoni ta’ Enemalta biex issaħħaħ is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow