Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: 37 proġett mill-każini tal-baned jibbenefikaw minn skema ta’ aktar minn €95,000

pr220235
Date Icon 19/02/2022

Permezz tal-iskema 'It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda', 37 proġett mill-każini tal-baned qegħdin jibbenefikaw minn aktar minn €95,000 biex ikun jistgħu jitwettqu.

F'diskors waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-fondi, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat kif il-baned fl-irħula Maltin u Għawdxin, li ilhom jeżistu għal mijiet ta' snin, dejjem servew bħala mudell ewlieni ta' volontarjat.

Il-Ministru qalet li dawn il-baned mhux biss kienu strumentali biex iferrħu lill-folol bil-mużika tagħhom matul is-snin, iżda anke pprovdew opportunità lil eluf ta' żgħażagħ biex jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet mużikali tagħhom mingħajr ħlas. Spjegat li dan ma jridx jieqaf u għalhekk il-baned iridu jkomplu jiġu sostnuti permezz ta' skemi bħal dawn biex jiżguraw li dak li sar matul dawn il-mijiet ta' snin ma jintilifx.

Bħala skema, din qiegħda tinkoraġġixxi lill-baned lokali biex joħorġu bi proposti ta' kif jistgħu jattiraw żgħażagħ ġodda biex jitrawmu fil-mużika, jew inkella jkomplu t-tagħlim tagħhom.

B'kollox qiegħda tingħata għajnuna lil 37 proġett, li jvarjaw minn investiment f'aktar strumenti mużikali ġodda, għal titjib fl-ambjent tal-klassijiet fejn iż-żgħażagħ jitgħallmu l-mużika. Proġetti oħra se jiffokaw fuq kampanji li permezz tagħhom jattiraw aktar żgħażagħ biex jitgħallmu l-mużika.

Permezz ta' din l-iskema qiegħed jintlaħaq l-Għan Strateġiku Numru 5 tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li jirrakkomanda l-promozzjoni tal-ħiliet mużikali taż-żgħażagħ u li dawn ikunu mħeġġin biex jipparteċipaw fil-produzzjoni tal-mużika permezz ta' programmi nazzjonali u inizjattivi li jgħinuhom jgħixu kwalità ta' ħajja aħjar, filwaqt li jkunu jistgħu jesprimu ruħhom fl-arti u l-kultura. Din l-iskema qiegħda tiġi amministrata minn Aġenzija Żgħażagħ, b'kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ Miriam Theuma qalet li l-aġenzija temmen li skemi bħal dawn jagħtu opportunità liż-żgħażagħ biex jitgħallmu strument tal-mużika u jsiru parti mill-banda tar-raħal. Spjegat li l-għan ta' din l-iskema hu biex il-każin tal-banda jkun jista' jiżviluppa proġetti mużikali li huma innovattivi u jilħqu diversi żgħażagħ.

It-teżorier tal-Għaqda Każini tal-Banda Chris Briffa qal li din l-iskema hi turija ċara tal-impenn governattiv u dak tal-Għaqda Każini tal-Banda sabiex tkompli titrawwem u tiġi inċentivata l-edukazzjoni mużikali fil-każini tal-banda.

Spjega kif din hi injezzjoni ta' fiduċja fil-każini tal-banda, li trid tissaraf f'tagħlim u programmi professjonali b'risq l-istudenti ta' dawn l-iskejjel mużikali. Qal ukoll li l-għan tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda hi li tkompli ttejjeb dawn il-programmi ta' tagħlim bit-tnedija tal-Kurrikulu Nazzjonali Mużikali, kif ukoll it-twaqqif ta' formazzjoni mużikali għall-istudenti kollha li kienu jew qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-fondi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: 37 proġett mill-każini tal-baned jibbenefikaw minn skema ta’ aktar minn €95,000
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: 37 proġett mill-każini tal-baned jibbenefikaw minn skema ta’ aktar minn €95,000
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: 37 proġett mill-każini tal-baned jibbenefikaw minn skema ta’ aktar minn €95,000
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: 37 proġett mill-każini tal-baned jibbenefikaw minn skema ta’ aktar minn €95,000
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow