STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTRU GĦAS-SAĦĦA: Rifużjoni tal-ispejjeż tal-mediċini tal-IVF
Madwar 1,000 persuna fis-sena li tagħmel użu mill-IVF se tgawdi mill-mediċini b’xejn li se jiddaħħlu fuq il-formularju tal-gvern, u sakemm dawn il-mediċini jkunu daħlu kollha se tkun qed tingħata rifużjoni lil persuni li ġew bżonnhom mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena ’l quddiem.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet. Id-Deputat Prim Ministru qal li s-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-IVF fl-Isptar Mater Dei huma kollha bla ħlas, fosthom il-konsulenzi, l-ultrasounds, il-proċess tal-embrijoloġija, il-counselling waqt u wara t-trattament, il-pick-ups, u l-embryo transfers. Il-Ministru Fearne spjega li fi kliniċi privati dan il-proċess jiġi jiswa madwar €15,000, filwaqt li fil-każ ta’ gamete donation, li wara l-bdil tal-liġi din tista’ ssir u qed issir f’pajjiżna wkoll, l-ispiża titla’ għal madwar €20,000 għal ċiklu wieħed. Ma’ dawn, issa se jiżdiedu l-mediċini li jiswew minn €500 sa €3,000 u aktar għal kull ċiklu ta’ IVF.
“Bdejna l-proċess ta’ procurement, li jimxi ma’ regoli lokali u Ewropej, però peress li dan il-proċess jieħu fit-tul, mill-1 ta’ Jannar 2022 u sakemm ikunu fuq il-formularju tal-gvern, se nkunu qegħdin ngħinu lil persuni li jużawhom b’mod finanzjarju. Dan ikompli jagħmel kuraġġ lil dawk il-persuni li jixtiequ jkollhom it-tfal,” qal id-Deputat Prim Ministru. “Kburi ngħid li mill-2014, meta bdejna noffru s-servizz tal-IVF mill-isptar Mater Dei, sal-lum twieldu 252 tarbija, filwaqt li 24 mara għadha fil-proċess li qed tistenna tarbija,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Il-Ministru Fearne fakkar kif is-sena li għaddiet ir-rata ta’ suċċess, it-‘take home baby rate’, tal-IVF f’pajjiżna kienet ta’ 21.5%, rata li tħabbatha sew ma’ ta’ ċentri oħra barra minn Malta. Id-Deputat Prim Ministru qal li din is-sena fl-ART clinic f’Mater Dei qed jerġa’ jinqabad ir-ritmu ta’ qabel il-pandemija u aktar minn hekk huwa mistenni li jibda jsir l-irkupru taċ-ċikli li ma sarux minħabba l-pandemija.
It-Tabib Ewlieni tal-Gvern Walter Busuttil spjega li l-formoli tar-rifużjoni tal-mediċini jistgħu jinkisbu mill-ART Clinic tal-Isptar Mater Dei, fejn se tingħata l-għajnuna neċessarja biex jinkisbu dawn ir-rifużjonijiet.
Imħabbra iżjed stadji ta’ rilassament tal-miżuri tal-COVID-19
“Għandna biżżejjed immunità fil-komunità biex għal din ix-xitwa jidher li mhux se jkun hemm bżonn ir-raba’ doża tal-vaċċin tal-COVID-19,” stqarr id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet. Huwa fakkar li l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qegħdin janaliżżaw is-sitwazzjoni wara kull stadju ta’ rilassament tal-miżuri sabiex ikunu evitati żidiet tal-każijiet fil-komunità u fl-isptarijiet.
Id-Deputat Prim Ministru stqarr li peress li ma kienx hemm żieda fil-każijiet minkejja r-rilassament tal-miżuri li saru sa issa, se jkun possibbli li jkompli jonqos il-perjodu ta’ kwarantina obbligatorja. Huwa fakkar li, kif diġà ġie mħabbar fil-ġimgħat li għaddew, min-nhar it-Tnejn, 21 ta’ Frar 2022, kuntatti primarji ta’ persuni pożittivi, li ma jgħixux fl-istess residenza tal-persuna pożittiva, u li huma fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jtemmu l-kwarantina obbligatorja wara ħamest ijiem jekk isir test li jirriżulta fin-negattiv. Il-Ministru Fearne ħabbar li mis-7 ta’ Marzu 2022, din l-istess kwarantina mhux se tibqa’ obbligatorja. Dan filwaqt li mis-7 ta’ Marzu 2022 ukoll, persuni pożittivi għall-COVID-19, li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jtemmu l-kwarantina mandatorja wara sebat ijiem jekk jagħmlu test li jirriżulta negattiv. F’każ li t-test jirriżulta pożittiv, il-kwarantina mandatorja tibqa’ dik ta’ 10 ijiem.
Dwar kwarantina ta’ persuni li jkunu ġejjin minn pajjiż fil-lista l-ħamra skura u li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu u rikonoxxut mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin, mis-7 ta’ Marzu 2022, il-kwarantina obbligatorja se tonqos għal sebat ijiem, kemm-il darba jsir test li jirriżulta fin-negattiv.
Mill-14 ta’ Marzu 2022, l-użu tal-maskri f’postijiet pubbliċi aperti mhux se jibqa’ obbligatorju. Il-maskri jibqgħu obbligatorji biss għal postijiet pubbliċi fuq ġewwa u waqt avvenimenti tal-massa jew organizzati.
Il-Ministru Fearne ħabbar ukoll li wara arranġamenti li saru mal-kamra mortwarja, b’mod immedjat il-funerali ta’ persuni li jkunu pożittivi għall-COVID-19 jistgħu jsiru fi żmien 48 siegħa minflok sa 24 siegħa. Huwa spjega kif għaddejjin diskussjonijiet mal-istakeholders Maltin u mal-awtoritajiet tas-saħħa barranin sabiex l-oqbra fejn ikunu midfuna persuni pożittivi għall-COVID-19 jew persuni li mietu b’mard infettiv ieħor, ikunu jistgħu jinfetħu wara 5 snin minflok wara 10 snin.
Il-Ministru Fearne ħeġġeġ lil min għadu ma tlaqqamx sabiex jagħmel dan permezz tal-walk-in clinics fl-Università ta’ Malta, fil-POYC ta’ Raħal Ġdid, fil-Berġa ta’ Kerċem f’Għawdex jew permezz ta’ appuntament fuq vaccin.gov.mt.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950