Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

pr220193
Date Icon 11/02/2022

Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fil-One Ocean Summit li sar fi Brest, Franza, fuq stedina tal-President Franċiż Emmanuel Macron. Franza bħalissa għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan is-summit kien maħsub biex jiġbor il-komunità internazzjonali flimkien bil-għan li titqajjem kuxjenza u tkun diskussa azzjoni li tipproteġi l-ibħra u l-oċeani.

Il-jum tal-Ġimgħa kien iddedikat għal sessjonijiet li fihom ħadu sehem diversi mexxejja ta' pajjiżi minn madwar id-dinja u ta' istituzzjonijiet Ewropej fosthom il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Il-Prim Ministru Robert Abela għamel l-intervent tiegħu f'panel li ffoka fuq l-industrija tal-marittimu, li kien jinkludi lill-President Franċiż, il-President ta' Ċipru, il-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Irlanda u l-President tal-Eġittu, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru Abela tkellem dwar ir-realtajiet ta' Malta. Pajjiż gżira li jiddependi ħafna fuq il-baħar għal setturi differenti fosthom l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti, it-turiżmu, il-cruise liners, is-sajd, l-irziezet tal-ħut u s-settur marittimu kummerċjali bħal mhuma t-tarznari, fost oħrajn. “Trid tikkunsidra l-perspettivi kollha," qal il-Prim Ministru li spjega kif irridu nipproteġu iktar l-ibħra tagħna filwaqt li nżommu f'moħħna r-realtajiet ta' kulħadd. 

Semma l-passi li ħadet Malta biex jitnaqqas l-impatt ta' ċertu attività marbuta mal-baħar permezz ta' investimenti fi proġetti kbar ta' shore to ship biex jonqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti, fosthom dawk tal-passiġġieri. “Introduċejna żewġ faċilitajiet ta' shore to ship li se jħallu lill-bastimenti jitfu l-magni fil-port u jnaqqsu l-emissjonijiet. L-ironija hi li filwaqt li qed nagħmlu dan ix-xogħol, dawn il-bastimenti għadhom iduru fil-Mediterran bil-heavy fuel oil. Din hi r-realtà li rridu niffaċċjaw", qal il-Prim Ministru, li tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nużaw sorsi ta' enerġija iktar nodfa. “Għandna soluzzjonijiet fil-preżent li ma aħniex nużaw," żied il-Prim Ministru, filwaqt li ħeġġeġ lil dawk preżenti, inkluż nies mill-industrija, biex inħarsu lejhom iktar.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar passi oħra li ħadet Malta, fosthom il-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-bejgħ tas-single use plastic. “Hija bidla li se tagħmel differenza kbira", qal il-Prim Ministru li fisser kif dawn huma l-bidliet li rridu naħdmu għalihom.

“Iva, rridu ntejbu l-kwalità tal-ibħra tagħna, u tal-ambjent tagħna. Imma ejja naraw kull inizjattiva b'mod sħiħ. Ma ninjorawx ir-realtajiet ta' gżejjer żgħar li għalihom il-baħar ifisser ħafna għall-ekonomiji u n-nies tagħhom," temm il-Prim Ministru li enfasizza l-bżonn li nqumu għall-okkażjoni quddiem l-isfida li nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna.

Matul dan is-summit, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow