STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU €70 miljun oħra fil-but tan-nies
Imħabbra ċ-Ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa u Ċekk Addizzjonali biex ikomplu jistimulaw l-ekonomija ta’ pajjiżna
“Dan huwa gvern li jaġixxi. Li jieħu d-deċiżjonijiet meta jkun meħtieġ”. Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela matul konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar il-ħruġ taċ-Ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa u Ċekk Addizzjonali biex ikomplu jagħtu dik l-imbuttatura importanti f’mument fejn il-pajjiż irid ikompli jikber ekonomikament.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li fl-aħħar baġit, li ġie approvat ilbieraħ, kienet tħabbret żieda fiċ-Ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa. Sostna li din iż-żieda mhux biss qed tippremja l-bżulija tal-poplu, iżda hija wkoll injezzoni fl-ekonomija maħsuba biex tkompli tiġġenera l-attività ekonomika. L-ogħla rifużjoni ta’ taxxa se tkun ta’ €140 filwaqt li l-inqas se tkun €60. “Jikkumplimenta dan iċ-ċekk se jkun hemm ċekk addizzjonali li jista’ jintuża għal prodotti u servizzi fis-setturi kollha. Hekk niġġeneraw iktar attività f’kull settur f’mument fejn l-ekonomija qed tikber u meta l-pajjiż se jkun qed ikompli jiftaħ u jmur lura għan-normalità,” tenna l-Prim Ministru Abela.
Iċ-Ċekk Addizzjonali se jara lill-pensjonanti u persuni fuq benefiċċji soċjali jirċievu €200, filwaqt li l-ħaddiema u l-istudenti se jirċievu €100. B’hekk, spjega l-Prim Ministru, familji fejn it-tnejn jaħdmu u jaqilgħu l-paga minima, dawn se jieħdu €280 mir-rifużjoni tat-taxxa u €200 miċ-ċekk ta’ stimolu – b’kollox €480. Żewġ pensjonanti jirċievu €400.
Semma l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, fosthom iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali fuq livell internazzjonali. Fakkar li sal-lum il-gvern baqa’ jintervjeni b’mod dirett biex żamm it-tariffi tal-enerġija, il-gass u l-fjuwil baxxi. Li kieku ma kienx għal dawn l-interventi tal-gvern, kieku familja Maltija kienet tispiċċa tonfoq €500 iktar fis-sena. Huwa proprju minħabba l-fatt li l-pandemija qed taffettwa l-prezzijiet ta’ servizzi u prodotti essenzjali li l-gvern se jerġa’ jkun mal-familji, qal il-Prim Ministru. “U bħalma konna hemm għan-negozji fi żmien diffiċli, hekk ukoll se nkunu mal-familji, għaliex dan il-gvern huwa t-tarka kontra l-pandemija”. Il-Prim Ministru temm jgħid li r-rebbiegħa u s-sajf li ġej se jkunu żminijiet tajbin għal pajjiżna għaliex dan il-poplu dejjem għeleb l-isfidi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-għaqal fit-tmexxija tal-finanzi ta’ pajjiżna qed jippermetti lill-gvern sabiex ikun f’pożizzjoni li jagħti din l-għajnuna kollha.
Il-Ministru spjega kif fid-diskors tal-budget, il-gvern kien qed ibassar li jagħlaq is-sena 2021 b’defiċit ta’ 11.1%. L-andament ekonomiku ta’ pajjiżna wassal sabiex id-defiċit jinżel bi 3% għal 8.1%. Barra minn hekk, il-gvern diġà laqa’ għall-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil, impatt li jammonta għal 1.5% tal-Prodott Domestiku Gross. B’hekk, il-gvern qed ibassar li jagħlaq is-sena 2021 b’defiċit ta’ madwar 9.5%.
Dan il-marġini ta biżżejjed spazju lill-gvern sabiex ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi li kien qed ibassar li kienu ġejjin fuq pajjiżna. Għaldaqstant, dan iċ-ċekk addizzjonali, apparti r-rifużjoni tat-taxxa, se jmur sabiex jgħin lill-familji fid-dawl ta’ dawn l-isfidi.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950