STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U GOVERNANZA Il-Kabinett tal-Ministri japprova emendi importanti fil-Kodiċi Kriminali dwar il-femiċidju
Il-Kabinett tal-Ministri approva pakkett ta' emendi fil-Kodiċi Kriminali li għandhom l-għan li jintroduċu, għall-ewwel darba fl-istorja legali ta' pajjiżna, il-kunċett ta' femiċidju, jiġifieri l-qtil ta' mara jew tifla li jkun motivat mill-ġeneru tagħha. Bis-saħħa ta' dawn l-emendi preżentati mill-Ministru għall-Ugwaljanza, r-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għall-Ġustizzja u Governanza Edward Zammit Lewis, se jsiru tliet bidliet prinċipali fil-liġijiet tagħna: il-liġi se tkun issa qed tipprovdi lista ta' ċirkostanzi femmiċidjali li wara sejbien ta' ħtija ta' omiċidju se jiggwidaw lill-Qorti biex il-piena li tingħata tkun iktar ħarxa; il-liġi se tkun ukoll qed tipprovdi illi omiċidju b'karatteristiċi ta' femiċidju se jkun eskluż milli jikkwalifika bħala omiċidju skużabbli minħabba li jkun twettaq f'passjoni istantanja; u l-liġi se tkun issa qed tkopri bl-istess mod ir-reat ta' tentattiv ta' omiċidju li jkun sar f'ċirkostanzi ta' tentattiv ta' femiċidju.
F'konferenza ta' l-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici spjega li dan il-pakkett ta' emendi importanti immens qed jiġi varat xahar wara l-istupru u omiċidju xokkanti ta' Paulina Dembska u f''għeluq sentejn mill-omiċidju ta' Chantelle Chetcuti. Huwa saħaq li waqt li l-Gvern wettaq riformi b'saħħithom immens fl-aħħar snin, ċerti attitudnijiet patrijarkali u miżoġeni f'pajjiżna għadhom preżenti.
"Jekk irridu li pajjiżna verament ikun l-art ta' l-ugwaljanza, fejn in-nisa u l-irġiel ikunu ugwali bil-fatti, irridu nagħmlu bidliet b'saħħithom anke fil-liġijiet tagħna, inkluż dawk kriminali," sostna l-Ministru Bonnici waqt li enfasizza li bis-saħħa ta' dawn il-bidliet Malta se tkun minn ta' l-ewwel fl-Ewropa li se tintroduċi l-kunċett ta' femiċidju fil-Kodiċi Kriminali. Huwa qal li quddiem il-vjolenza abbażi tal-ġeneru l-pajjiż kollu jrid jagħti s-sehem tiegħu biex inkomplu nirbħu iktar imħuħ u qlub favur ugwaljanza fejn jidħol il-ġeneru.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis min-naħa tiegħu spjega kif din l-Amministrazzjoni hija wahda magħquda, umli, tisma' u tiddeċiedi li ma tridx soċjetà msejsa fuq sterjotipi tal-ġeneru. Kompla billi saħaq li l-“femiċidju" mhux ġeneralment rikonoxxut bħala reat distint mill-omiċidju volontarju u dan għaliex fis-sistema legali Maltija l-ommiċidju ġġib l-ogħla piena possibli, jiġifieri, l-għomor il-ħabs. Madanakollu, il-Gvern huwa umli u sema l-karba tas-soċjetà, għalhekk qed jitressaq dan l-Abbozz.
Il-Ministru ikkonkluda illi għalkemm dan il-Gvern għamel ħafna sabiex iħares lill-mara, u beda jattwa dak li hemm fil-Kovenzjoni ta' Istanbul, xorta jibqa' jemmen li għandu jitwettaq aktar xogħol minn kulħadd sabiex ikun hemm “mentality shift" fis-soċjetà tagħna sabiex ninħallu mill-ktajjen tad-diskriminazzjoni kontra l-mara u l-isterejotipi ibbażati fuq il-ġeneru.
Dr Lara Dimitrijevic li tmexxi l-Women's Rights Foundation qalet, “Illum nemmen li qed nagħmlu pass storiku fejn qed naraw impenn politiku bit-tnedija tal-abbozz li qed jagħmel viżibbli r-realta' tal-femiċidju u jwassal messaġġ sod li l-vjolenza fuq in-nisa mhix aċċettabli fis-soċjeta' tagħna."
Il-proċess leġiżlattiv ta' dan l-abbozz ta' liġi fil-Kamra tad-Deputati se jibda b'effett immedjat.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950