Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: Jitlestew 90% tax-xogħlijiet fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi

pr220127
Date Icon 28/01/2022

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli żaret l-aħħar fażi tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi. S’issa tlestew 90% tax-xogħlijiet u r-residenza mistennija tinfetaħ aktar tard din is-sena taħt it-tmexxija ta’ Aġenzija Sapport.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet li din ir-residenza fil-Qrendi saret b’investiment ta’ €1.35 miljun u se tilqa’ fiha disa’ persuni b’diżabilità. Spjegat li din hi residenza oħra mill-Proġett Soċjetà Ġusta, li kien parti mill-wegħdi elettorali tal-gvern, fejn matul din is-sena biss se jkunu qed jinfetħu tlett idjar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn id-djar se jkomplu joffru serħan il-moħħ lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li dejjem kellhom it-tħassib dwar x’se jiġri minn uliedhom meta jiġu neqsin huma. Stqarret li l-gvern irid soċjetà li tagħder u li taħseb f’persuni b’diżabilità sabiex jgħixu ħajja indipendenti u inklussiva fil-qalba tal-irħula tipiċi Maltin u Għawdxin.  

Din ir-residenza fil-Qrendi se tkun qiegħda tilqa’ sa disa’ persuni b’diżabilità biss ħalli dawn ikollhom ambjent li hu l-eqreb possibbli għal dak ta’ familja. Il-binja se tkun tikkonsisti fi tliet appartamenti, fejn kull appartament jospita tliet persuni b’diżabilità. 

Bħala appartamenti, dawn se jkunu mgħammra bi tliet kmamar tas-sodda, kmamar tal-banju aċċessibbli, kċina u living area. Iżda fuq kollox, din il-binja se jkollha wkoll spazju għal taħriġ dwar għajxien indipendenti, fejn il-persuni b’diżabilità se jiġu mħarrġa dwar kif jistgħu jgħixu bl-aktar mod indipendenti, kif ukoll faċilitajiet multi-sensorjali. 

Din il-binja se jkollha wkoll ġnien multi-sensorjali u bbq area. Il-faċilitajiet se jkunu kollha mgħammra b’faċilitajiet moderni u aċċessibbli, skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità. 

Sal-lum, Aġenzija Sapport għandha disa’ residenzi f’Malta u residenza oħra f’Għawdex. Il-ħsieb hu li din is-sena tinfetaħ oħra fiż-Żurrieq u oħra f’Għawdex, filwaqt li għaddejja ħidma biex tinbena dar oħra f’Ħal Kirkop. L-għan ta’ dawn ir-residenzi hu li l-persuni b’diżabilità jgħixu f’residenzi żgħar fil-komunità ħalli jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u inklussiva fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras enfasizzat li grazzi għall-Proġett Soċjetà Ġusta n-numri ta’ residenzi qed jiżdied, u dan għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità li għal xi raġuni mhux possibbli għalihom li jibqgħu jgħixu fl-ambjent tal-familja. Spjegat li l-importanza ta’ dawn ir-residenzi  hu li jinsabu fil-qalba tal-komunità u li jagħtu s-sostenn meħtieġ lill-persuni b’diżabilità sabiex dawn itejbu l-ħiliet tagħhom għal għajxien indipendenti u inklużjoni sħiħa. Is-Sinjura Sciberras tenniet li l-impenn tal-aġenzija ma jieqafx mal-binja u l-iżvilupp tad-dar, iżda li timxi wkoll pass pass mal-persuna, waqt li tibqa’ tinvolvi lill-familja f’kull stadju tas-servizz sabiex tagħti s-sostenn neċessarju u jittieħdu deċiżjonijiet flimkien.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: Jitlestew 90% tax-xogħlijiet fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA U L-VOLONTARJAT: Jitlestew 90% tax-xogħlijiet fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

 STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Jingħata rikonoxximent lill-kunsilli tal-istudenti

PR261950

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI ...

More Press Releases Right arrow