STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Tifkira tal-Olokawst fil-Parlament ta’ Malta
Illejla, l-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa Tifkira tal-Olokawst (Holocaust Remembrance Day) fil-Parlament ta' Malta.
L-Ispeaker fakkar li f'dan il-jum il-komunità internazzjonali tieqaf u tirrifletti dwar il-ġrajjiet li ħallew lil tant Lhud vittmi ta' ġenoċidju mwettaq mill-Ġermanja Nażista u dawk kollha li appoġġjawha tul it-Tieni Gwerra Dinija. L-Ispeaker tkellem dwar il-fatt li għalkemm il-mibegħda tnissel aġir estrem, l-istorja turi li anke f'dawk il-mumenti ta' dlamijiet, insibu tant oħrajn li bi mħabba lejn il-proxxmu, u kienu lesti jgħaddu minn tbatijiet sabiex jgħinnu u jsalvaw lil sħabhom waqt l-Olokawst. Dawn in-nies twajba jitqiesu bħala l-Ġentili Ġusti (Righteous Gentiles). L-Ispeaker semma lil San Massimiljanu Kolbe, Pollakk u patri Franġiskan li ta ħajtu fil-Kamp tal-Konċentrament ta' Auschwitz biex raġel, li kellu familja, jgħix. Hu kien jemmen li l-ikbar velenu ta' żmienna hi l-indifferenza, u għalhekk huwa l-irwol tal-politiku li jħares id-drittijiet ta' kulħadd u saħaq li aħna lkoll għandna naqdu d-dmir tagħna lejn iċ-ċittadin u b'impenn nieħdu ħsieb lill-batut, lill-vulnerabbli u lil dawk li jaqgħu lura jew jispiċċaw f'faqar soċjali.
Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker fakkar li l-politiku llum jeħtieġ jagħraf ir-realtà ta' madwaru u jintervjeni biex il-periklu ta' fehmiet estremisti u ta' qawwiet imdallma jitbegħdu u ma jitħallewx jiksbu għeruq fis-soċjetà u madwar id-dinja. Dan possibbli biss billi lkoll nisħqu fuq-l-edukazzjoni, fejn minn età żgħira, inrawmu valuri għonja ta' tjubija, ta' solidarjetà, paċi, u sliem fost il-bnedmin
Matul din it-Tifkira, saru diskorsi minn Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Carmelo Mifsud Bonnici M.P., Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u Rabbi Chiam Segal u s-Sinjura M. Segal, rappreżentanti tal-Komunità Lhudija f'Malta. Lejn tmiem din it-Tifkira ġiet inawgurata wirja dwar l-Olokawst, imtella' mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej b'kollaborazzjoni ma' Yad Vashem, iċ-Ċentru Internazzjonali dwar l-Olokawst, f'Ġerusalem, Iżrael. Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja fil-bini tal-Parlament ta' Malta sal-Ħamis, 10 ta' Frar 2022 bejn id-09.00 ta' filgħodu u l-05.00 ta' waranofsinhar.
Other Press Releases:
PR261950en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...
PR261950