Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Malta bl-inqas rata ta' faqar assolut minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea

pr220087
Date Icon 24/01/2022

Skont riċerka u studju ppubblikati riċentament mill-Joint Research Centre, li huwa direttorat ta' riċerka tal-Kummisjoni Ewropea, Malta għandha l-inqas rata ta' faqar assolut minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Biex jiddeterminaw dawk f'sitwazzjoni ta' faqar assolut, ir-riċerkaturi Ewropej iddeterminaw il-livell ta' dħul bażiku li persuna għandha bżonn biex tkun tista' tipparteċipa b'mod adekwat fis-soċjetà.

Din l-analiżi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll prodotti u servizzi li jingħataw b'xejn mill-Istat u tasal għall-ammont ta' dħul li għandha bżonn persuna biex ikollha nutrizzjoni meħtieġa, housing diċenti, trasportazzjoni essenzjali, protezzjoni medika kif ukoll bżonnijiet soċjali adekwati (bħal pereżempju, vaganza darba fis-sena mhux neċessarjament safra, internet, mobile, ħruġ limitat f'ristoranti, etċ). Dan il-kalkolu sar b'mod differenti għal ħames kategoriji ta' nies ta' età differenti abbażi ta' informazzjoni xjentifika.

Fil-każ ta' Malta, bħala medja għall-popolazzjoni sħiħa, dan id-dħul huwa ta' €500 fix-xahar, li naturalment kien ikun ferm ogħla kieku f'pajjiżna m'għandniex diversi servizzi essenzjali mogħtija b'xejn, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, childcare, miżati fuq eżamijiet, it-trasport, sussidju qawwi fuq il-kirjiet u diversi servizzi oħra. 

Fil-fatt, dan l-ammont ta' €500 huwa nofs l-ammont li għandhom bżonn il-ġirien tagħna fl-Italja u tliet darbiet anqas minn dak li għandu bżonn xi ħadd biex jgħix adekwatament fid-Danimarka. Dan jirrifletti differenzi fl-għoli tal-ħajja u kemm u jekk jingħatawx servizzi b'xejn, jew parzjalment b'xejn, f'pajjiżi differenti, fost fatturi oħra.

B'dan il-kejl Malta għandha biss 1.5% tal-popolazzjoni f'sitwazzjoni li m'għandhiex dħul biżżejjed biex tipparteċipa b'mod adekwat fis-soċjetà. Dan hu għaxar darbiet anqas mill-proporzjon ta' nies li huma meqjusa f'riskju ta' faqar relattiv f'pajjiżna.

Tabella 1: Joint Research Centre - https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC127444

a.jpg

Ir-riżultat huwa simili meta wieħed iħares lejn it-tfal, fejn Malta għandha wkoll l-inqas rata ta' tfal f'sitwazzjoni ta' faqar assolut fl-Unjoni Ewropea kollha.

Tabella 2: Joint Research Centre - https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC127444

c.png

Ir-riżultati ta' dan l-istudju huma simili ħafna għal dak li joħroġ minn indikaturi eżistenti taċ-ċaħda materjali u soċjali, li juru lil pajjiżna bħala wieħed bl-inqas rati fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dan l-istudju jikkonferma li mentri f'ħafna pajjiżi Ewropej dawk meqjusa f'sitwazzjoni ta' faqar relattiv huma wkoll f'sitwazzjoni ta' faqar assolut, f'Malta l-maġġoranza assoluta ta' dawk f'riskju ta' faqar relattiv huma f'qagħda ferm aħjar li jipparteċipaw b'mod adekwat fil-ħajja soċjali.

Dan jirriżulta minħabba l-fatt li biex ma titqiesx f'riskju ta' faqar relattiv, persuna single f'Malta fis-sena li fiha saret ir-riċerka msemmija, kellha bżonn dħul ta' aktar minn €812 fix-xahar. Dan l-ammont ta' dħul huwa 42% ogħla mil-limitu ta' dħul li kien jintuża fl-2012 għax dak iż-żmien id-dħul tal-familji kien ferm inqas. Din iż-żieda tirrifletti t-tkabbir għoli fid-dħul medju tal-popolazzjoni li kellna f'pajjiżna fl-aħħar snin u mhux xi żieda kbira fil-prezz tal-oġġetti u ta' servizzi meħtieġa biex tgħix ħajja adekwata.

Fil-fatt, il-kejl tal-inflazzjoni mill-2012 'l hawn jindika li l-oġġetti u s-servizzi għolew b'9%, ċioè anqas minn kwart ta' kemm għola d-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin bħala medja. Li kieku wieħed iżomm il-limitu tad-dħul tal-2012 u jżidu bl-inflazzjoni biss, kieku r-rata ta' dawk f'riskju ta' faqar relattiv f'Malta tkun biss terz tar-rata li qed tirriżulta mil-limitu tad-dħul użat mill-Eurostat bħalissa.

Il-limitu tad-dħul ta' €812 fix-xahar għal persuna single li jistabbilixxi min huwa f'riskju ta' faqar relattiv f'Malta, jitla' għal €1,218 fix-xahar għal koppja, u saħansitra għal €1,705 fix-xahar għal familja b'żewġt itfal żgħar.

Huwa proprju għalhekk li qed jirriżulta minn dan l-istudju riċenti li f'Malta l-maġġoranza ta' dawk f'riskju ta' faqar relattiv huma f'qagħda ferm aħjar li jipparteċipaw b'mod adekwat fil-ħajja soċjali.

Dan il-fatt, flimkien mar-riżultat ta' dan l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea, juri kemm huwa kruċjali li wieħed ma jħarisx lejn kejl wieħed biex jikkwantifika l-fenomenu tal-faqar f'pajjiżna.

Mitlub jikkummenta dwar ir-riżultati ta' dan l-istudju, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li għal darba oħra għandna konferma kemm il-politika soċjali u ekonomika tal-gvern qed tħalli l-frott fil-ġlieda kontra l-faqar.

Huwa sostna li s-sistema tal-protezzjoni soċjali f'pajjiżna b'mod partikolari, megħjuna minn oqsma oħra ta' servizzi essenzjali, hija verament tarka u xibka biex dak li jkun ma jaqax f'faqar assolut.

Il-Ministru Falzon tenna l-impenn tal-gvern li jibqa' jdaħħal aktar benefiċċji u servizzi sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow