Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI Jissaħħaħ is-sussidju fuq xogħlijiet relatati ma' strutturi perikolużi fi proprjetà privata

pr220069
Date Icon 19/01/2022

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, ħabbar it-titjib tal-iskema ta' Sussidju għal Strutturi Perikolużi ('SSP') għal individwi u familji li jgħixu f'residenzi privati li huma mikrija skont il-liġijiet tal-kera ta' qabel l-1995 u li jkollhom bżonn urġenti ta' manutenzjoni straordinarja.

Dan it-tisħiħ tal-iskema 'SSP', li ilha attiva mis-sena 2013, se tindirizza t-tħassib li jaf ikollhom kemm is-sidien kif ukoll l-inkwilini ta' proprjetajiet fil-kera antika, li sa issa ma kinux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat f'dawn iċ-ċirkostanzi minħabba li d-dħul u l-assi tagħhom kienu jaqbżu l-massimu permess skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema, jew li kellhom ħsarat li jeċċedu l-għotja massima, li kienet ta' €10,000. Wara konsultazzjoni entensiva mal-atturi prinċipali f'dan is-suq ta' kirjiet ikkontrollati, li kien essenzjali biex titfassal ir-riforma tal-kirjiet ta' qabel l-1995 li daħlet fis-seħħ f'Ġunju tal-2021, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ddeċieda li għandu jestendi l-applikabbiltà ta' din l-iskema għal persuni li għandhom assi li jammontaw għal mhux aktar minn sittin elf ewro (€60,000), hekk kif sal-lum dan is-sussidju kien miftuħ biss għal min ikollu assi kapitali li l-valur tagħhom kien ta' ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000) jew inqas. Dan filwaqt li l-għotja massima li tingħata għal benefiċjarji ta' din l-inizjattiva żdied għal ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000).

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes sostna li, “mhuwiex aċċettabbli għal ħadd li jgħix f'dar fejn hemm struttura perikoluża. Hi x'inhi l-qagħda finanzjarja, hu x'inhu t-titlu li għandek fil-proprjetà. Dan imiss direttament mad-diċenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuna." Il-ministru kompla billi ddikjara li, “dan is-sussidju msaħħaħ għalhekk qiegħed jaċċerta li ħadd ma jgħix imbeżża' f'daru."

L-estensjoni tal-iskema 'SSP' se tgħin lil individwi u familji li jgħixu fi stokk ta' akkomodazzjoni li l-maġġoranza tagħhom tkun inbniet fil-perjodu ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li sfaw żdingati minħabba diversi raġunijiet, fosthom li l-piż finanzjarju u legali kellu dejjem jinġabar mis-sidien tal-proprjetà li ma kinux qegħdin jirċievu kumpens xieraq qabel ir-riforma tal-2021. Issa li l-Awtorità tad-Djar qiegħda tqarreb it-termini u l-kundizzjonijiet ta' din l-iskema ma' dawk ta' skemi oħra li kisbu suċċess, bħalma hija l-Iskema għal Sussidju fuq Xogħlijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenza Okkupati minn Sidien jew Inkwilini (magħrufa bħala l-'ADP'), aktar sidien u inkwilini se jkunu jistgħu jirċievu għajnuna sostanzjali mill-gvern biex ikunu jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-baġit totali li ġie allokat għal din l-iskema tela' għal kwart ta' miljun ewro kif imħabbar fid-diskors tal-baġit tal-11 ta' Ottubru li għadda. Din għalhekk hija t-tielet miżura tal-baġit li tikkonċerna l-akkomodazzjoni li qiegħda titħabbar fix-xahar ta' Jannar mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali wara l-estensjoni tal-iskema tal-Equity Sharing u t-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli flimkien mal-Arċidjoċesi ta' Malta.  

Il-Ministru Roderick Galdes għalaq billi qal li, “Bir-riforma li wettaqna s-sena l-oħra ridna nilħqu bilanċ, fl-interessi kemm tal-inkwilini kif ukoll tas-sidien. Għidna wkoll li r-riforma ma kinitx biss il-bidliet fil-liġi, u hawn qegħdin indaħħlu fis-seħħ l-ewwel miżura li se tifdi bżonn importanti f'dan is-settur u li f'qasir żmien se tkun segwita b'aktar inċentivi għas-sidien u l-inkwilini involuti fis-suq tal-kirjiet ikkontrollati".

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay stqarr li ma kienx jagħmel sens li kieku r-riforma li daħlet f'Ġunju tat kirja ġusta lis-sidien u fl-istess ħin ħaditha lura min-naħa l-oħra billi talbet lis-sidien jagħmlu x-xogħlijiet strutturali fid-djar tal-inkwilin. Huwa qal dan waqt li spjega l-ħidma li qed twettaq l-Awtorità tad-Djar fis-settur tal-kirjiet protetti u tenna li llum qed nimxu pass ieħor f'din ir-riforma. “Tkellimna aktar fuq kemm għandha tkun il-kirja, l-inġustizzja tal-wirt, il-proċess tal-Qorti u dwar kemm għandha tkun il-kirja ġusta, però ftit tkellimna dwar il-periklu li kienu qed jgħixu fih l-inkwilini minħabba strutturi perikolużi u x'għandu jsir biex nevitaw dan", qal is-Sur McKay.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI Jissaħħaħ is-sussidju fuq xogħlijiet relatati ma' strutturi perikolużi fi proprjetà privata
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI Jissaħħaħ is-sussidju fuq xogħlijiet relatati ma' strutturi perikolużi fi proprjetà privata
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI Jissaħħaħ is-sussidju fuq xogħlijiet relatati ma' strutturi perikolużi fi proprjetà privata
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow