Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Żewġ proġetti ġodda fil-komunità

pr220049
Date Icon 15/01/2022

Permezz ta' għajnuna finanzjarja ta' madwar €220,000 mill-Awtorita tal-Ippjanar (PA) se jsiru xogħlijiet ta' tisbiħ fil-Pjazza Madonna ta' Fatima fil-Pietà.

Fl-istess waqt qed isiru wkoll xogħlijiet fil-Kunvent ta' Santa Marija ta' Ġesù fil-Belt Valletta.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li permezz ta' fondi bħal dawn qed isiru diversi proġetti li bihom qed insaħħu l-ambjent urban għall-gwadann tal-komunità.

“Permezz ta' diversi inizjattivi, qed noħolqu u nħejju aktar għal rikreazzjoni u ambjent urban aktar b'saħħtu. Għal dawn il-proġetti, id-Development Planning Fund qed jintuża biex isebbaħ l-ambjent urban filwaqt li ndaħħlu iktar elementi sostenibbli fl-ippjanar tiegħu, kif ukoll biex nirrestawraw il-wirt kulturali tagħna", qal il-Ministru Farrugia.

Huwa spjega li l-proġett tal-Pietá jinkludi wkoll aċċessibbiltà aktar faċli għal nies bi bżonnijiet speċjali; funtana, flimkien ma' faċilità għal ħażna tal-ilma tax-xita għat-tisqija; kif ukoll sistema tad-dawl ġdida. Il-proġett ġie ppreżentat mill-Kunsill Lokali tal-Pietà flimkien mal-Kunsill Reġjonali taċ-Ċentru.

Il-ministru qal li bħalissa qed isiru wkoll xogħlijiet ġewwa l-Kunvent ta' Santa Marija ta' Ġesù (Ta' Ġieżu) fil-Belt Valletta. Il-bini tal-kunvent imur lura għas-seklu 16, meta l-Patrijiet Franġiskani Minuri ngħataw biċċa art fl-inħawi ta' Porta del Monte (illum Victoria Gate) biex jibnu knisja u kunvent. L-ewwel ġebla ta' dan il-bini tqiegħdet fl-1575. Jingħad li l-faċċata ta' dan il-bini saret mill-Arkitett Ġlormu Cassar kif kienet id-drawwa f'dawk iż-żminijiet meta kienet qed tinbena l-Belt Valletta.

Il-kunvent kien ilu ma jsirlu manutenzjoni, sakemm f'dawn l-aħħar snin il-Komunità tal-Patrijiet flimkien mal-Gwardjan iddeċidew li l-manutenzjoni kellha tingħata l-importanza li jixirqilha. L-awtorità approvat is-somma ta' aktar minn €43,000 għall-bdil ta' dawn is-soqfa mill-Patrijiet Franġiskani.

Vincent Cassar, Chairperson tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp qal li, “L-appoġġ li qed nagħtu għax-xogħlijiet strutturali u ta' rinovazzjoni li qed isiru biex isiru dawn il-proġetti se jwassal għal benefiċċju għall-komunità Maltija u r-residenti. Għandna obbligu mhux biss li nissalvagwardjaw il-wirt mibni tagħna imma responsabbiltà li nipprovdu spazji fejn komunitajiet futuri jistgħu jintegraw u jibnu relazzjonijiet aħjar permezz ta' proġetti bħal dawn".

“Il-lokalità tal-Pietà hija nieqsa minn spazji miftuħa u għaldaqstant ħassejna l-bżonn li b'xi mod inroddu lura lir-residenti. Grazzi għall-Awtorità tal-Ippjanar u għall-Ministru Aaron Farrugia, din il-ħolma setgħet issir realtà u issa nistgħu ngawdu din iż-żona", stqarr is-Sindku tal-Pietà Keith Tanti.

Il-Patri Ramon Farrugia OFM, Gwardjan tal-Franġiskani tal-Belt Valletta, irringrazzja lil dawk ikkonċernati u qal li din l-għotja kienet importanti ħafna biex ġie eliminat parti mill-periklu fil-Kunvent u ttaffa ftit mill-ispiża li għandom il-patrijiet biex ilestu x-xogħlijiet.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Żewġ proġetti ġodda fil-komunità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

 PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME Student Councils receive recognition

PR261950en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION ...

More Press Releases Right arrow