STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Mariella Dimech tinħatar bħala l-ewwel chairperson eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis
Is-Sinjura Mariella Dimech inħatret bħala l-ewwel chairperson eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, liema awtorità twaqqfet bis-saħħa tal-Att numru LXVI tal-2021 li daħal fis-seħħ fit-18 ta' Diċembru li għadda. Din il-ħatra, li saret mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, hi għal perjodu ta' tliet snin.
Inħatar ukoll għal perjodu ta' tliet snin l-ewwel Bord tal-Awtorità li, apparti li se jitmexxa mis-Sinjura Dimech, se jkun magħmul ukoll minn Dr Janice Formosa Pace (Deputat Chairperson) u Nadine Brincat, Sina Bugeja, Dr Marius Caruana, Dr Charles Cassar, Dr Gabriel Farrugia, Dr Paul Micallef u Charles Scerri (membri).
Is-Sinjura Mariella Dimech
Is-Sinjura Dimech hija psikoterapista. Għal 21 sena ħadmet mal-Caritas fejn għal għaxar snin kienet il-Koordinatriċi tal-Programmi u s-Servizzi kollha 'Tama Ġdida', bil-għan li jingħata sostenn lill-persuni vittmi tad-droga u lill-familjari tagħhom.
Bħala koordinatriċi kellha r-responsabbiltà, fost oħrajn, tat-tfassil ta' programmi kliniċi tas-servizzi kollha.
Għal sitt snin kienet tmexxi l-Komunità Terapewtika ta' San Blas. Taħt it-tmexxija tagħha ġie introdott għall-ewwel darba l-kunċett ta' trattament residenzjali għal persuni li jkunu vittmi tad-droga u kienet parti integrali tal-ħidma li bis-saħħa tagħha nħolqu l-istrutturi, is-sistemi ta' ħidma, policies u gruppi kliniċi kollha ta' San Blas u l-programmi u s-servizzi 'Tama Ġdida'.
Is-Sinjura Dimech ilha wkoll għall-aħħar tnax-il sena tmexxi l-klinika privata tagħha u wettqet studji dwar l-użu ħażin tas-sustanzi u l-isfidi marbuta ma' dan l-użu ħażin.
Fil-karriera tagħha, is-Sinjura Dimech kellha esperjenzi wkoll fuq ix-xandir u fil-kamp tal-amministrazzjoni ta' Kenn għal Saħħtek, il-Malta Community Chest Fund u entitajiet sportivi. Hija tat ukoll għal diversi snin, taħriġ lil diversi kumpaniji dwar sfidi organizzattivi fuq il-post tax-xogħol.
L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għandha diversi funzjonijiet importanti, fosthom li taġixxi ta' regolatur għal kull assoċjazzjoni non-profit li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.
L-awtorità għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b'referenza għall-età u b'kontenut xieraq.
B'effett immedjat, is-Sinjura Dimech se tkun qed tara li toħloq l-istrutturi kollha meħtieġa, inklużi dawk marbuta ma' sistemi operazzjonali u regolamentazzjoni, sabiex l-awtorità tkun f'pożizzjoni li tilqa' l-ewwel talbiet għal reġistrazzjoni ta' assoċjazzjonijiet fi żmien qasir.
Dr Janice Formosa Pace hija lettriċi fid-Dipartiment tal-Youth and Community Studies fi ħdan l-Università ta' Malta. Gradwat b'Baċellerat fil-Psikoloġija mill-Università ta' Malta, M.Sc. fil-Psikoloġija Forensika u Legali mill-Università ta' Leicester u b'Ph.d fil-Kriminoloġija mill-Università ta' Huddersfield.
Fil-karriera tagħha ħadmet ukoll bħala uffiċjal tal-probation u edukatriċi għal diversi snin kemm fi skejjel tal-Knisja u kemm fi skejjel tal-gvern.
Wettqet riċerka estiva, anke bħala parti minn proġetti Ewropej, u hija koawtriċi ta' diversi pubblikazzjonijiet.
Nadine Brincat hija psikoterapista. Għal numru ta' snin ħadmet fi ħdan Caritas bħala psikoterapista fejn tat servizzi individwali jew fi gruppi fil-kamp tal-vizzji. Għandha wkoll esperjenza fil-kamp tal-marketing.
Hija gradwat b'Baċellerat fil-Komunikazzjoni mill-Università ta' Malta, b'post-graduate diploma fil-Marketing miċ-Chartered Institute of Marketing tal-Ingilterra, b'MBA mill-Università ta' Leicester u b'Masters fil-Gestalt Psychotherapy, mill-Gestalt Psychotherapy Training Institute ta' Malta.
Hi wkoll ċertifikata mill-Institute of Certified Addictions-Informed Professionals.
Sina Bugeja serviet għal diversi snin bħala Kap Eżekuttiv ta' Proġetti Speċjali fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, bħala Direttur Eżekuttiv fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u Kap Eżekuttiv ta' Sedqa.
Hija gradwata, fost oħrajn, b'diploma f'General Nursing u diploma f'Applied Social Study mill-Università ta' Malta u b'M.SC b'distinzjoni fil-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Edukazzjoni dwar is-Saħħa mill-Università ta' Wales.
Hija ilha mill-1997 tgħallem bħala senior lecturer dwar il-promozzjoni tas-saħħa u l-edukazzjoni marbuta mas-saħħa f'diversi korsijiet fi ħdan il-Fakultà ghax-Xjenzi tas-Saħħa u l-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija, fost oħrajn, fi ħdan l-Università ta' Malta.
Hija membru, fost oħrajn, tal-Malta Institute of Management, Fellow tar-Royal Society for Public Health, membru fuq it-Today Public Policy Institute, membru tal-Kunsill tal-Università ta' Malta, membru tal-Board of Trustees tar-Richmond Foundation u Membru fuq il-Board tal-Amministraturi tal-Fondazzjoni Sebħ.
Dr Marius Caruana huwa tabib bi speċjalizzazzjoni fil-mediċina tal-familja.
Huwa gradwa mill-Università ta' Malta u għandu esperjenza ta' diversi snin fi ħdan id-Diviżjoni tas-Saħħa u anke fil-kamp tal-mediċina paljattiva mal-Malta Hospice Movement.
Dr Caruana hu wkoll il-lead doctor fi ħdan l-Immigration Reception Centre ta' Ħal Far u anke fi ħdan il-Migrant Health Services. Huwa wkoll membru fuq il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.
Huwa ħa sehem f'diversi studji marbuta mal-qasam tas-saħħa, inkluż dak tal-qasam tal-cannabis mediċinali, u pparteċipa f'diversi pubblikazzjonijiet ta' natura medika.
Dr Charles Cassar huwa psikoterapista.
Huwa ċ-Chairperson tal-Board tal-Professjonijiet tal-Psikoterapija, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikoterapija u Viċi President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Psikoterapija, fost oħrajn.
Huwa kiseb Baċellerat bl-Unuri u Ph.D fil-qasam tal-Istudji tax-Xogħol, u M.A. fil-Gestalt Pyschotherapy u diversi diplomi fil-kamp tal-psikoterapija.
Fil-karriera tiegħu huwa kien head of care tas-servizz ta' riabilitazzjoni fi ħdan Santa Marija u kien anke Direttur tal-YMCA.
Huwa wkoll visiting lecturer kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta.
Dr Gabriel Farrugia huwa avukat li l-oqsma ewlenin tal-prattika kurrenti tiegħu huma l-liġi ċivili, public procurement u kummerċjali. Fis-snin li għaddew ħadem fuq l-abbozzar ta' numru ta' liġijiet.
Huwa gradwa b'Baċellerat fil-Liġi u Dottorat fil-Liġi.
Dr Paul Micallef huwa clinical psychologist bi speċjalizzazzjoni fil-vizzji.
Huwa wkoll Executive Coach u Mentor mill-Institute of Leadership and Management tal-Ingilterra, Associate Fellow tal-British Psychological Society, Chartered Psychologist fl-Ingilterra u membru tal-Board Konsultattiv ta' Malta dwar il-Vizzji.
Huwa kiseb Baċellerat fil-Liberal Arts mill-Università ta' Iowa tal-Istati Uniti u Dottorat fil-Psikoloġija Klinika mill-Università ta' Birmingham bi speċjalizzazzjoni fuq il-vizzji.
Huwa ħadem f'diversi pajjiżi kemm fl-Ewropa u lil hinn u ta servizzi professjonali b'mod attiv fi ħdan l-NGO Ewropea HOPE, il-Caritas u l-Hospice Movement. Fil-karriera tiegħu huwa ħoloq diversi servizzi speċjalizzati għal persuni li jsofru minn problemi li ġejjin minn vizzji u fatturi oħra. Ipparteċipa f'diversi proġetti finanzjati minn fondi Ewropej bil-għan li jtejbu r-riżorsi umani f'ambjenti lavorattivi.
Charles Scerri huwa d-Direttur attwali tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali. Huwa ggradwa b'B.A. fis-Social Work u ilu jaħdem għal dawn l-aħħar sittax-il sena bħala professjonist fil-kamp soċjali, partikolarment fl-oqsma tat-tfal vulnerabbli u iktar tard fil-vizzji.
Huwa kiseb taħriġ ulterjuri fl-oqsma tal-kriminoloġija u l-iżvilupp tat-tfal u pparteċipa diversi drabi fil-European Social Network Conferences u f'konferenzi internazzjonali li ddiskutew il-qasam tad-drogi u l-vizzji.
L-Avukat Joe Reno Vella se jservi bħala Segretarju tal-Bord.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951