Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: Tiġi estiża r-Rent Subsidy Scheme f’għajnuna ta’ €75,000 lin-negozji

pr212201
Date Icon 09/12/2021

Aktar negozji qed jiġu mgħejuna wara li l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret li l-Malta Enterprise qed testendi r-Rent Subsidy Scheme. Dan se jwassal biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna sa massimu ta’ €25,000 kull sena, li tista’ tigi estiża għal massimu ta’ €75,000 fuq perjodu ta’ tliet snin,  sabiex aktar negozji jingħataw l-għajnuna biex ikabbru l-imħażen tagħhom f’kirja ta’ spazji industrijali. Din l-iskema tkopri sa 50% tal-ispiza. 

L-għan ta’ din l-iskema huwa li tingħata assistenza finanzjarja lin-negozji  li qed jiġu affettwati minn żieda fil-prezz tat-trasport. S’issa din l-iskema kienet qed tindirizza lill-kumpaniji tal-manifattura, dawk li jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq vetturi u s-settur tal-industrija. B’din l-estensjoni, l-iskema se tkun qed tgħin firxa aktar wiesgħa ta’ negozji, speċjalment lill-operaturi li qed jimportaw in bulk.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-għan ta’ din l-iskema huwa li tassisti lin-negozji jilqgħu għall-isfidi kummerċjali minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport, li qed jiffaċċjaw negozji madwar id-dinja. 

“Bħalma għamilna fl-eqqel xhur tal-pandemija, qed nerġgħu nkunu ta’ spalla man-negozji tagħna anké hekk kif l-ekonomija ta’ pajjiżna qabdet tirpilja. Din l-inizjattiva se tgħin fl-immedjat lin-negozji Maltin biex jibdew inaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-kiri ta’ mħażen li qed jużaw minħabba din is-sitwazzjoni,” qalet il-Ministru Dalli. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega li l-Malta Enterprise dejjem kienet hemm biex tgħin lin-negozji. F’diskussjonijiet kontinwi mal-industrija u l-korpi kostitwiti, il-Malta Enterprise għarfet li l-bidla fuq livell internazzjonali trid tigi indirizzata fuq livell lokali u għaldaqstant il-Malta Enterprise qed tipprovdi soluzzjoni permezz tal-estensjoni ta’ din l-iskema.

“Għal darba oħra, il-Gvern Malti qed ikompli jara lin-negozji jkunu protetti miż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tat-trasport kif ukoll tal-enerġija.  Qed nassiguraw soluzzjonijiet tanġibbli b’impatt immedjat, fejn qed nerfgħu parti importanti mill-ispejjeż li qed jiffaċċjaw dawn in-negozji,” qalet il-Ministru Dalli. 

Hija kkonkludiet billi saħqet fuq kif dan il-Gvern se jkompli jgħin lin-negozji biex jegħlbu l-isfidi iżda fuq kollox jinċentivahom biex isaħħu l-operat tagħhom u jibbenefikaw minn aktar opportunitajiet kummerċjali fil-futur.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-INTRAPRIŻA U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI: Tiġi estiża r-Rent Subsidy Scheme f’għajnuna ta’ €75,000 lin-negozji
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow