STQARRIJA MILL-MINISTRU FL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Servizzi Ewropej f’Malta minn ta’ quddiem fl-assistenza lill-organizzazzjonijiet biex jibbenefikaw minn fondi tal-UE
Servizzi Ewropej f’Malta (SEM) organizza avveniment ta’ networking li jlaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet u Awtoritajiet nazzjonali fit-tmexxija, u postijiet ta’ riferenza għall-programmi ta’ finanzjament tal-UE, biex jipprovdu informazzjoni lill-applikanti prospettivi dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-opportunitajiet li se jkunu disponibbli fl-2022.
Il-parteċipanti fl-avveniment ġew minn kunsilli lokali, NGOs, entitajiet pubbliċi u skejjel li huma interessati li japplikaw għall-fondi tal-UE, għall-proġetti tagħhom. Matul l-avveniment, il-parteċipanti ġew infurmati dwar ħames programmi ewlenin tal-fondi tal-UE - Erasmus+; Korp Ewropew ta’ Solidarjetà; Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri; Programm LIFE, u; Programm Interreg Euro-MED.
Uffiċjali minn SEM u minn awtoritajiet ta’ tmexxija u postijiet ta’ riferenza ta’ dawn il-programmi ta’ finanzjament, flimkien ma’ għadd ta’ benefiċjarji tal-fondi tal-UE tal-passat kienu preżenti biex jassistu lill-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-mistoqsijiet tagħhom relatati mal-programmi ta’ interess ghalihom.
Waqt li indirizza lill-parteċipanti, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela tkellem kif dan l-avveniment ta’ networking iservi bħala opportunità unika biex jgħinek tkun taf aħjar x’se jkunu dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament; biex jgħinek tiżviluppa l-ideat tiegħek fi proposti ta’ proġetti kompetittivi li fl-aħħar mill-aħħar jintgħażlu għall-finanzjament.
Il-Ministru enfasizza li “in-netwerking jista’ jkun sors eċċellenti ta’ perspettivi u ideat ġodda, u li l-parteċipanti li jieħdu sehem fi proġetti ffinanzjati mill-UE jikbru bħala individwi, jiksbu ħiliet ġodda, u jiltaqgħu ma’ nies ġodda li jirriżultaw f’opportunitajiet ġodda. Għalhekk, il-Ministru ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jużaw din l-opportunità biex jagħmlu netwerk mhux biss mas-SEM u l-awtoritajiet li jmexxu u l-postijiet ta’ kuntatt oħra, iżda wkoll bejniethom bħala organizzazzjonijiet u kunsilli lokali, li ġejjin minn sfondi differenti, għax dan jista’ jgħinek toħloq sħubijiet u kollaborazzjonijiet b’saħħithom li jipproduċu proġetti aktar b’saħħithom.
Il-Ministru Abela semma s-servizzi eċċellenti offruti mis-SEM lil diversi entitajiet, bħal entitajiet tal-Gvern, kunsilli lokali, NGOs u skejjel, fejn fl-2021 SEM pprovdiet l-assistenza tagħha fis-sottomissjoni ta’ 80 formola ta’ applikazzjoni. L-Aġenzija qed tipprovdi wkoll l-assistenza tagħha għall-implimentazzjoni ta’ 14-il proġett ieħor. “Is-SEM tista’ tgħin lill-entitajiet lokali biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti, jiżviluppaw ideat ta’ proġetti, jimlew il-formola tal-applikazzjoni u meta jintgħażlu għall-finanzjament, is-SEM tista’ wkoll tipprovdi assistenza fl-implimentazzjoni tal-proġett” temm jgħid il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tas-SEM, Mandy Falzon, spjegat kif is-SEM toffri servizz personalizzat u professjonali lill-kunsilli lokali, l-NGOs u l-entitajiet pubbliċi biex jidentifikaw l-opportunitajiet xierqa ta’ finanzjament tal-UE u biex ifasslu mill-ġdid l-ideat għall-proġetti biex isiru aktar konformi mal-prijoritajiet ta’ aktar minn 30 programm ta’ finanzjament differenti tal-UE. Is-Sinjura Falzon irreferiet ukoll għas-servizz ġdid introdott aktar kmieni din is-sena, biex iwieġeb għall-bżonnijiet tal-utenti tas-servizz. Is-SEM issa qed toffri wkoll servizz ta' appoġġ għall-implimentazzjoni ta' proġetti b'xejn billi tipprovdi assistenza lill-organizzazzjonijiet matul l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE. “Aħna nagħmlu dan, għax mhux biss nemmnu fil-potenzjal tal-ideat tal-organizzazzjonijiet imma għax irridu li l-istess ideat jiġu ttrasformati f’riżultati reali u proġetti li jiġu ġestiti b’suċċess u li jilħqu l-għanijiet maħsuba”, temmet tgħid is-Sinjura Falzon.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955