STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA U MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali dwar il-Kontijiet Pubbliċi 2020
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-Rapport Annwali dwar il-Kontijiet Pubbliċi għas-sena 2020 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia. Dan jikkonsisti fi 42 rapport fuq l-operat ta' numru ta' dipartimenti u ta' entitajiet fis-settur pubbliku. Ir-rapport jinkludi wkoll analiżi tar-Rapport Finanzjarju 2020 kif ukoll tal-arretrati kif ġew mgħoddija lit-Teżor minn dawn il-ministeri, dipartimenti u entitajiet.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) eżamina b'reqqa diversi sorsi ta' dħul u ħruġ sabiex tkun analizzata sew l-osservanza tal-liġijiet u r-regolamenti relatati magħhom. Ir-rapport jinkludi aktar minn 350 rakkomandazzjoni biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati mill-NAO bl-għan li tissaħħaħ il-governanza u jitjiebu l-prattiki fl-operat tal-gvern.
Dawn li ġejjin huma wħud min-nuqqasijiet prinċipali li ġew identifikati:
- L-iskop tal-verifika tal-ispiża fl-Università ta' Malta u fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza ma ntlaħaqx peress li informazzjoni mitluba ma ngħatatx lill-awdituri għal verifika neċessarja. Kien hemm ukoll dewmien biex ġiet mgħoddija l-informazzjoni fuq l-iskema ta' vawċers tal-gvern li kienet fdata lill-Kumpanija Maltija għall-Immaniġġjar tal-Investimenti tal-Gvern (MIMCOL).
- Ir-regolamenti tax-xiri ma ġewx osservati minn numru ta' entitajiet, li jinkludu b'mod partikulari Festivals Malta u l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali. Xiri ta' servizzi kuntrattwali u professjonali mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni sar minn kuntratti diretti approvati mill-Ministeru tal-Finanzi b'mod repetut.
- Nuqqas ta' kontrolli interni, kif ukoll restrizzjonijiet leġiżlattivi, xekkel l-infurzar u l-ġbir ta' dħul minn ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija (energy performance certificates). Minn verifika tal-pensjoni tas-servizz ġie nnutat li saru ħlasijiet sostanzjali żejda minħabba kontrolli inadekwati.
- Kien hemm nuqqasijiet fil-proċeduri ta' verifika għal ħlas ta' sahra fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, u l-Aġenzija għall-Ħarsien tat-Tfal. Minħabba l-ammonti konsiderevoli li tħallsu f'dan ir-rigward mid-diviżjoni msemmija nxteħet dubju fuq il-livell ta' produttività fis-sigħat dikjarati. Verifika fil-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi wriet tħassib fuq l-ingaġġ ta' uffiċjali, kif ukoll irregolaritajiet fil-ħatra ta' persuni ta' fiduċja.
- L-użu ta' fondi pubbliċi b'mod stravaganti, flimkien ma' nuqqasijiet fil-kontroll tal-baġit, wasslu biex il-Kummissjoni Maltija tal-Films tirreġistra kapital operattiv negattiv ta' aktar minn €1 miljun fl-2020.
- Pagamenti mill-Fond tal-Investiment għall-Iskejjel Privati sar fuq bażi ta' dikjarazzjonijiet mill-applikanti, mingħajr verifika xierqa. Kien ukoll innotat li għalkemm is-servizz ta' dwal fit-toroq u servizzi oħra kellhom jiġu amministrati mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, kien hemm dipendenza fuq il-kuntrattur tas-servizzi provduti.
Aċċess għal dan ir-rapport mis-sit uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika www.nao.gov.mt kif ukoll mill-paġna tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.
Other Press Releases:
PR261955en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...
PR261955