Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA

pr212149
Date Icon 01/12/2021

Rapport fuq Verifika ta’ Effettività: A Strategic Overview on the Correctional Services Agency’s operations at the Corradino Correctional Facility

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara llum ippreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farruġia r-rapport hawn fuq imsemmi. Dan l-istudju sar biex jevalwa l-operat tal-Correctional Services Agency (CSA), minn perspettiva strateġika, ġewwa l-Faċilità Korretiva ta’ Kordin (CCF).  

Primarjament, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) innota li l-leġiżlazzjoni lokali eżistenti ma’ timponix obbligi suffiċjenti fuq s-CSA fir-rigward ta’ sistema effettiva ta’ riabilitazzjoni. Speċifikament, dan l-Uffiċċju osserva li l-obbligazzjonijiet stabbiliti bil-liġi rigward aspetti ta’ riabilitazzjoni huma ftit u inqas b’saħħithom meta kkumparati ma’ oħrajn, partikolarment dawk relatati mad-dixxiplina u s-sigurtà. L-NAO jħoss li dan il-fattur iħalli inizjattivi ta’ kura u riabilitazzjoni f’sitwazzjoni li jridu jikkompetu, aktar milli jikkumplimentaw, obbligazzjonijiet legali oħra aktar b’saħħithom bħalma huma dawk li jiddettaw id-dixxiplina u l-ordni. 

B’rabta ma’ dan, l-NAO osserva li, filwaqt li f’dawn l-aħħar snin saru sforzi sinifikanti biex jitfasslu pjanijiet ta’ kura (care plans) għall-ħabsin ġewwa s-CCF, l-inizjattivi ta’ kura u riintegrazzjoni għadhom mhumiex qed jilħqu lill-priġunieri kollha. Dan huwa evidenti fin-numru baxx ta’ opportunitajiet ta’ xogħol (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Faċilità) u dawk edukattivi li qed jingħataw lill-priġunieri. Filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li fatturi esterni mill-Aġenzija jistgħu jikkontribwixxu għal dan in-nuqqas, l-NAO xorta jħoss li dawn l-opportunitajiet huma limitati wisq biex jitqiesu bħala sforz adegwat mill-ħabs sabiex ix-xogħol u l-edukazzjoni jikkontribwixxu għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri.

Waqt l-ispezzjonijiet li għamel ġewwa s-CCF, l-NAO osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa u rrikonoxxa wkoll li riċentatment sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs. Madanakollu, filwaqt li ġie nnotat li l-istat strutturali tal-Faċilità ġeneralment mhuwiex oġġezzjonabbli, l-NAO xorta identifika xi nuqqasijiet f’dan ir-rigward li jistgħu jkunu ta’ piż bla bżonn (għalkemm mhux b’mod kritiku) fuq l-esperjenza ta’ priġunerija, li minnha nfisha diġà hija intrinsikament diffiċli.

Barra minn hekk, filwaqt li dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi li l-Aġenzija m’għandhiex kontroll fuq in-numru ta’ priġunieri li jridu jinżammu fil-Faċilità, u lanqas fuq ir-rekwiżiti ta’ segregazzjoni (kemm dawk li joħorġu mil-leġiżlazzjoni lokali kif ukoll dawk imposti mill-Qrati), innota li d-daqs tas-CCF huwa limitat ħafna. Din is-sitwazzjoni ġġib magħha problemi ovvji, partikolarment fir-rigward ta’ sigurtà, iġjene u privatezza.

Din il-verifika wriet kif, abbażi taċ-ċifri pprovduti mis-CSA, l-abbuż tad-droga fi ħdan s-CCF naqas b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċifri juru dik li tista' titqies bħala sitwazzjoni kkontrollata f'ambjent li huwa konvenzjonalment suxxettibbli għal sfidi f'dan il-qasam.

Permezz ta’ dan l-istudju, l-NAO osserva wkoll li n-numru ta’ uffiċjali korrettivi, kif ukoll ta’ professjonisiti inkarigati mill-kura u riintegrazzjoni, żdied matul dawn l-aħħar snin. Minkejja dan, in-numru ta’ nies impjegati ġewwa s-CCF għadu ma laħaqx il-livell stabbilit bħala l-ideali mill-Aġenzija, anki jekk dan Il-livell mhux sostnut minn studju dokumentat b'mod komprensiv.

Filwaqt li l-NAO huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika ċentralizzata fi ħdan s-CCF, jirrikonoxxi l-fatt li ġie ffirmat ftehim ma’ fornitur estern li se jipprovdi lis-CSA b’Offenders Management System. Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi wkoll li s-CSA bdiet proċess biex il-proċeduri operazzjoniali tagħha jiġu żviluppati u dokumentati b’mod uffiċjali.

Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b’mod komprensiv f’dan ir-Rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-Uffiċċju. Ir-Rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika: https://www.nao.gov.mt , kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook – www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY  Europe’s security is directly linked to that of the Mediterranean – Minister Glenn Bedingfield

PR261955en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR HOME AFFAIRS AND SECURITY Europe’s secur...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ  Is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta direttament ma’ dik tal-Mediterran – Il-Ministru Glenn Bedingfield

PR261955

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Is-sigurtà tal-Ewropa hi...

More Press Releases Right arrow