Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Issa mhux biss tista’ tidħol il-Belt iżda tinżel taħtha wkoll

pr211985
Date Icon 04/11/2021

Minn issa 'l quddiem, meta tidħol il-Belt tista' tinżel taħtha wkoll, wara li Heritage Malta fetħet is-sit magħruf bħala Underground Valletta. B'hekk, il-pubbliku jkun jista' jifhem aħjar x'kien l-użu ta' dan il-post fil-fażijiet diversi tiegħu filwaqt li jammira l-inġinerija meraviljuża li tħaddmet biex inbniet il-belt kapitali.

Iż-żoni taħt l-art li nfetaħ l-aċċess għalihom jikkonsistu prinċipalment fil-mini li kienu tħaffru mill-Kavallieri biex jaqdu l-ħtiġijiet sanitarji tal-belt il-ġdida li bnew fuq l-Għolja Sciberras; iċ-ċisterni u l-bjar li fihom kien jinħażen l-ilma sekli ilu u x-xelters li tħaffru fit-Tieni Gwerra Dinjija biex fihom isibu refuġju l-Beltin waqt il-ħbit mill-ajru.

Fi żmien il-Kavallieri, l-ispazji taħt l-art tal-Belt Valletta kienu jintużaw għal skopijiet militari kif ukoll għall-ħażna tal-qamħ, iżda kienu wkoll essenzjali minn żewġ aspetti oħra kruċjali: l-ilma u d-drenaġġ. It-tnejn kienu vitali għall-Belt f'każ ta' assedju, iżda anke fi żmien ta' paċi. Il-ħażna tal-ilma tal-Belt intużat darba waħda biss f'każ ta' assedju, meta fl-1798 il-Franċiżi ġew imblukkati mill-Maltin, li minnufih qatgħu l-provvista tal-ilma tal-akkwadott għall-Belt iżda ma setgħu bl-ebda mod iżommu lill-Franċiżi milli jużaw il-miljuni ta' glalen ta' ilma maħżunin fil-ġibjuni u fiċ-ċisterni sotterranji tal-Belt.

Ħafna snin wara, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, seħħ l-aħħar kapitlu importanti għall-Belt ta' taħt l-art, meta l-passaġġi tagħha żdiedu u ntużaw bħala kenn mill-bumbardamenti. Eluf ta' nies għaddew sigħat twal marsusin hemm isfel, b'faċilitajiet sanitarji primittivi, b'ikel mill-inqas u bit-tama li air raid ieħor jgħaddi b'wiċċ il-ġid u jirnexxilhom joħorġu minn hemm qawwijin u sħaħ.

L-inawgurazzjoni uffiċjali ta' Underground Valletta saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u tal-ogħla uffiċjali ta' Heritage Malta.

Il-Ministru Herrera qal li l-Belt Valletta, meqjusa bħala wirt dinji, ma tistax tiġi apprezzata bis-sħiħ jekk wieħed ma jesperjenzax ukoll dak li hemm taħtha. Grazzi għal Heritage Malta, il-pubbliku issa għandu l-opportunità li jżur il-belt kapitali fit-totalità tagħha u japprezza aspetti minnha li forsi ma kienx konxju tagħhom qabel.

Iċ-Chairman ta' Heritage Malta, Anthony Scicluna, qal li bis-saħħa ta' dan is-sit, Heritage Malta se tkun qed tesplora użu ta' riżorsa taħt l-art mifruxa fuq żewġ perjodi distinti, dak ta' żmien il-Kavallieri u dak ta' żmien l-Ingliżi waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. L-għan kuratorjali hu li jinġabar l-għarfien kollu possibbli li mbagħad ikun jista' jitqassam b'modi diversi lil udjenzi varji.  

Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta' Heritage Malta, qal li għall-ġenerazzjonijiet tal-lum taħt il-Belt huwa l-inaċċessibbiltà nnifisha minħabba l-ambjent tiegħu u qajla jimmaġinaw li fl-ewwel nofs tal-erbgħinijiet tas-seklu l-ieħor il-Maltin irrikorrew għal din l-inaċċessibbiltà minħabba l-bombi u l-ħerba li kienet għaddejja fuq il-gżejjer Maltin. Heritage Malta qed tagħti tifsira ġdida lill-aċċessibbiltà meta qed iddawwar l-inaċċessibbli f'aċċessibbli. L-aċċessibbiltà mhix biss rampi u wirjiet imma t-tiftix għal wara l-kwinti tal-istorja tagħna biex ikun offrut għal kulħadd. Is-Sur Cutajar fakkar li dawk ta' qabilna ma ħlewx riżorsi fil-bini tal-belt kapitali iżda ħolqu ċisterni u mogħdijiet minn barrieri li saru l-pedamenti li fuqhom telgħet il-belt li saret wirt ta' patrimonju dinji.

Il-Kap Eżekuttiv ta' Heritage Malta, Noel Zammit, tkellem dwar l-impenn ta' Heritage Malta biex tkompli tkattar l-aċċessibbiltà għall-patrimonju ta' pajjiżna. Huwa qal li bil-ftuħ għall-pubbliku ta' dan is-sit uniku taħt il-Belt Valletta, Heritage Malta qed toffri lill-viżitatur esperjenza aktar kompluta u sodisfaċenti tas-siti storiċi fi ħdan il-belt kapitali, kif previst fl-istrateġija li fasslet l-Aġenzija għall-Belt Valletta.

Id-dħul għal Underground Valletta jinsab f'Misraħ San Ġwann. Żjarat gwidati se jibdew isiru fis-sit minn nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta' Novembru 'l quddiem, b'żewġ tours nhar ta' Erbgħa u żewġ tours nhar ta' Ħadd, jiġifieri total ta' erba' żjarat fil-ġimgħa. Aktar tagħrif dwar kif wieħed jaqta' l-biljetti u dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jinsab fis-sit www.heritagemalta.org.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Issa mhux biss tista’ tidħol il-Belt iżda tinżel taħtha wkoll
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Issa mhux biss tista’ tidħol il-Belt iżda tinżel taħtha wkoll
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Issa mhux biss tista’ tidħol il-Belt iżda tinżel taħtha wkoll
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow