Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Verifika ta’ Effettività: ‘Smart and RF meters’ contribution to more accurate and timely utilities billing’

pr211980
Date Icon 03/11/2021

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-rapport ta’ verifika ta’ effettività fuq is-suġġett hawn fuq imsemmi lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. B’investiment ta’ €131 miljun fuq perjodu ta’ 12-il sena, l-arloġġi smart tal-elettriku u dawk tar-radjofrekwenza tal-ilma (RF) ġeneralment taw riżultati pożittivi. Dan inkluda t-trasmissjoni awtomatika ta’ qari tal-arloġġi f’ħin reali bbażat fuq il-konsum attwali. L-Enemalta rnexxielha wkoll tnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ elettriku li għalih ma jkunx ħareġ kont minħabba apparent losses. Fl-istess ħin, din l-entità użat politika aggressiva għal ġbir ta’ dħul dovut fejn kien hemm każijiet ta’ serq tal-elettriku. Dan kollu wassal biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) użat data biex tiskopri f’ħin reali fejn hemm ħela tal-ilma, u b’hekk tnaqqas il-piż finanzjarju bla bżonn u n-numru ta’ ħaddiema  operattivi, u ttejjeb is-servizz għall-klijenti.

Għal kontijiet ibbażati fuq il-konsum attwali permezz ta’ arloġġi smart tad-dawl u tal-arloġġi RF tal-ilma, bħalissa jeżisti potenzjal stmat li jqarreb lejn id-90 fil-mija tal-kontijiet kollha ta’ dawn is-servizzi. Fil-prattika, iżda, fl-2020 din l-istatistika kienet madwar 80 u 67 fil-mija rispettivament. Din il-varjanza hija dovuta għal diversi kwistjonijiet tekniċi li jirriżultaw f’dewmien fit-trasmissjoni tal-qari tal-arloġġi. Fil-każ tal-arloġġi tal-ilma, din il-varjanza ġejja wkoll minn interpretazzjoni differenti li WSC u ARMS jagħtu lil arloġġ tal-ilma ‘mwaqqaf’.

Apparent losses relatati mal-elettriku naqsu b’76 fil-mija, li jissarraf f’valur ta’ aktar minn €45 miljun. Min-naħa l-oħra, konsum mhux ikkalkulat relatat mal-ilma baqa’ stabbli matul dan tal-proġett kollu, l-aktar minħabba s-suxxettibilità akbar għal ħsarat tekniċi fl-arloġġi tal-ilma. Studju riċenti tal-WSC u l-ARMS ikkalkula li fl-2021 kien hemm 17,928 arloġġ tal-ilma mmarkati għall-ispezzjoni. Dan jammonta għal aktar minn 6 fil-mija tal-kontijiet totali tal-ilma.

Minkejja l-livell għoli ta’ awtomazzjoni, l-effiċjenza marbuta mal-ħruġ tal-kontijiet mill-ARMS mhux dejjem laħqet il-livelli previsti. In-numru ta’ ħaddiema impjegati mill-ARMS żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin. Madanakollu, mhux dejjem kien ċar għaliex kien hemm dawn iż-żidiet meta kemm il-kontijiet, kif ukoll il-funzjonijiet amministrattivi, kienu kważi awtomatizzati għalkollox. ARMS issostni li ż-żieda fl-istaff hija riflessa fis-servizzi ġodda offruti kif ukoll fl-effiċjenza tal-proċessi interni fi ħdan id-dipartimenti ta’ din l-aġenzija.

Il-kumpaniji tad-dawl u l-ilma flimkien mal-ARMS dejjem ibbażaw il-kontijiet fuq bażi pro-rata. F’dan il-każ, il-units f’tariff bands differenti jitqassmu proporzjalment kull xahar jew xahrejn skont it-tip u l-perjodu tal-kont. Din il-prattika kienet approvata mir-Regolatur. Dan ir-rapport sab li kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti. Madankollu, il-metodoloġija relatata mal-konsum tal-elettriku hija s-suġġett ta’ litigazzjoni fil-Qorti. Minn rapporti oħrajn, l-NAO kkonferma li toħroġ varjanza bejn il-metodoloġija attwali tal-kontijiet u l-metodu annwalizzat. Fit-tieni każ, il-kontijiet jinħadmu billi l-konsum jitqies fuq sena skont il-massimu ta’ units u eko-kontribuzzjoni li jintużaw f’dan il-perjodu. Fil-fatt, l-analiżi tal-NAO turi li, fl-2020, 46 u 63 fil-mija tat-total tal-kontijiet li ġew studjati, tad-dawl u tal-ilma rispettivament, ma kellhomx varjanza sinifikattiva, essenzalment ta’ anqas minn €2 fis-sena, waqt li l-varjanzi ferm aktar sinifikattivi kienu dovuti għas-sezzjoni ta’ dawk li jkollhom konsum qawwi. 

Peress li l-każ huwa sub judice, huwa prudenti li l-NAO jillimita l-kummenti tiegħu għal dak imsemmi hawn fuq. Minkejja dan, fid-diskors riċenti tal-Baġit, il-gvern impenja ruħu li jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-metodoloġija tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. F’dan ir-rigward, dan l-uffiċċju jħoss li huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-prinċipju fundamentali li min iniġġeż għandu jħallas, li huwa stipulat fl-Artiklu 191 tat-Trattat dwar il-mod ta’ kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-rapport huwa aċċessibbli minn www.nao.gov.mt jew mill-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow