Left arrow Go Back

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: B’investimenti ta’ fondi Ewropej se nkomplu nibnu Malta li rridu għal uliedna

pr211935
Date Icon 23/10/2021

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Malta li rridu għal uliedna'. Huwa spjega kif id-diskors tal-Budget li ppreżenta l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana kważi ġimgħatejn ilu jinkludi diversi inizjattivi relatati ma' proġetti li għalihom huwa ppjanat li jinkisbu fondi Ewropej għall-ko-finanzjament tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari qal li ftit ġimgħat ilu kien preżenti f'Lussemburgu għal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala l-ECOFIN, li matulha ġie approvat il-Pjan ta' Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jinkludi 17-il proġett u 30 riforma li jridu jiġu mwettqa fis-snin li ġejjin bi spiża total ta' €345 miljun, li madwar €320 miljun minnhom ġejjin f'għotja diretta mill-Unjoni Ewropea.

Dr Zrinzo Azzopardi fakkar li din l-għotja hija parti mill-allokazzjoni ta' fondi Ewropej għal Malta għas-seba' snin 2021-2027 – allokazzjoni rekord, id-doppju ta' dak li kienet kisbet Malta fis-seba' snin ta' qabel.

Wara li ġie konkluż il-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza, is-Segretarju Parlamentari spjega kif issa se jkun qed jiġi ffirmat il-ftehim ħalli Malta tirċievi l-ewwel għotja ta' €41 miljun. Għaddejjin ukoll it-tħejjijiet sabiex ikunu jistgħu jibdew jitwettqu diversi proġetti inklużi f'dan il-pjan, li wħud minnhom jissemmew fid-diskors tal-budget għas-sena d-dieħla.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi semma diversi proġetti inklużi fil-Budget 2022. Fost dawn insibu bosta proġetti ambjentali bħall-għajnuna għax-xiri tal-karozzi elettriċi, l-installazzjoni taċ-charging pillars mal-pajjiż kollu, il-bini tal-moll tal-irmiġġ f'San Pawl il-Baħar, il-bini sostenibbli ta' skola ġdida kważi ħielsa mill-emmissjonijiet tal-karbonju, u l-proġett Shore-to-Ship biex il-vapuri li jidħlu fil-Freeport jużaw l-elettriku mill-grid nazzjonali u b'hekk jonqsu l-emmissjonijiet fl-inħawi ta' Birżebbuġa.

Huwa semma wkoll diversi proġetti b'konnessjoni mat-tranziżżjoni diġitali, fosthom dak fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Mater Dei. Fil-qasam tas-saħħa, il-fondi Ewropej se jintużaw biex jinxtara apparat sofistikat għaċ-Ċentru tal-Onkoloġija sabiex ikun jista' jingħata trattament aħjar lill-pazjenti li jimirdu bil-kanċer. Barra minn hekk, se jinbena ċentru ġdid għall-kollezzjoni tad-demm, ipproċessar u ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali.

Dr Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar l-enfasi fid-diskors tal-Budget fuq il-ħtieġa tat-tagħlim u t-taħriġ u kif l-fondi Ewropej se jkunu ta' sostenn qawwi għal diversi inizjattivi biex aktar żgħażagħ ta' sittax-il sena jkomplu jistudjaw jew jitħarrġu, u jiżdied ukoll it-taħriġ fil-ħiliet il-ġodda li qed jintalbu llum.

Bħalissa għadhom kemm intemmew il-konsultazzjonijiet pubbliċi ma' stakeholders primarji dwar programmi oħra ta' infiq mill-allokazzjoni ta' Malta. Dawn jinkludu l-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), il-Fond ta' Koeżjoni, mill-fond magħruf bħala Just Transition Fund (JST), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), il-Fond Ewropew għall-Qasam Marittimu, is-Sajd u l-Akkwakultura (EMFAF), u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Wara li ntemmet din il-konsultazzjoni, is-suġġerimenti u l-kummenti tal-pubbliku dwar dawn il-programmi ta' investimenti ġew evalwati biex titressaq il-verżjoni uffiċjali għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea sabiex imbagħad ikunu jistgħu jibdew jiġu implimentati.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi temm jgħid li dan il-budget ikompli jisħaq fuq l-importanza tal-qasam soċjali u s-solidarjetà. Permezz tal-fondi Ewropej, se nkomplu nibnu Malta u Għawdex li rridu għal uliedna.

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: B’investimenti ta’ fondi Ewropej se nkomplu nibnu Malta li rridu għal uliedna
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow