Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Il-ministeru soċjali b’allokazzjoni finazjarja ta’ €1.8 biljun għas-sena 2022

pr211932
Date Icon 22/10/2021

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon ta aktar dettalji dwar miżuri soċjali li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla kif ukoll oħrajn li se jidħlu fis-seħħ minn din is-sena stess. F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar numru ta' miżuri li se jkomplu jagħtu imbuttattura lill-familji u lill-ħaddiema.

Il-Ministru Falzon enfasizza l-importanza li persuni vulnerabbli jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u fil-ħin, għalhekk iż-żieda fl-għajnuna tas-supplimentari li se tibda tingħata minn Diċembru ta' din is-sena. Din se tingħata lil dawk kollha li jirċievu dan il-benefiċċju jiġifieri pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f'impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena. Din il-miżura hi mmirata għal dawk l-aktar vulnerabbli.

Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser jirċievu żieda fil-benefiċċju tal-għajnuna supplimentari li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa, skont id-dħul tagħhom. Persuni waħidhom, inklużi romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta' bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa. B'kollox, minn din il-miżura, ser jibbenefikaw kważi 29,000 persuna bi spiża ta' €5.6 miljun fis-sena. Dan ifisser li biż-żieda fil-pensjoni u ż-żieda fis-supplimentari, ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta' 'l fuq minn €500 fis-sena.

Mis-sena d-dieħla, se jingħataw €150 f'in-work benefit fis-sena għal dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000 u li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri, filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift, mal-privat f'dawn is-setturi li ġejjin: akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta' sapport, manifattura, trasport u ħażna u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. Il-ħaddiema jridu jkunu tal-anqas ħadmu 6 xhur matul sena kalendarja f'dawn is-setturi. B'kollox ser jibbenefikaw mal-40,000 ħaddiem, b'benefiċċju ekwivalenti għal madwar 10% tat-taxxa tad-dħul li jħallsu. Dawn il-ħaddiema, il-gvern se jkun qed jagħtihom €6 miljun.

Miżura oħra li se tidħol fis-seħħ minn din is-sena, minn nhar it-Tnejn 25 ta' Ottubru, hija dik li tolqot persuni bla indirizz fiss u li kienu qed jispiċċaw f'sitwazzjoni fejn ma kinux qed jieħdu l-assistenza u l-benefiċċji soċjali.

Permezz ta' ftehim mal-FSWS, dik il-persuna homeless isirilha rapport mis-social workers u tingħata indirizz temporanju min-naħa tal-FSWS, biex b'hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess assistenza soċjali.

“Dan hu gvern li verament jemmen fil-potenzjal ta' kulħadd u għalhekk qed nagħmlu minn kollox biex ħadd ma jaqa' lura. Din hija Malta ġusta u li temmen f'kull persuna, mingħajr ebda preġudizzju", qal il-Ministru Michael Falzon.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon elenka numru ta' miżuri soċjali oħra li se jkomplu jtejbu l-familji kollha. Fost l-oħrajn semma:

Aktar tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul

Din is-sena, jiġifieri għas-sena 2021, il-gvern naqqas ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul mill-overtime fejn l-ewwel 100 siegħa ta' overtime fis-sena, għal dawk b'paga bażika li ma teċċedix l-€20,000 fis-sena; u li m'għandhomx pożizzjoni maniġerjali, kienet intaxxata bil-15%.

Biex il-gvern ikompli jnaqqas ir-rata tat-taxxa fuq id-dħul, is-sena d-dieħla dawk il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix €20,000 fis-sena u li m'għandhomx pożizzjoni maniġerjali, ser jibdew jiġu intaxxati bil-15% fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime. B'din il-miżura, il-gvern se jagħti lill-ħaddiema €6 miljun.

Biex il-ħaddiema ta' issa jkollhom pensjoni aħjar, ser tingħatalhom ukoll l-opportunità li jibdew iħallsu l-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta' 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.

Għajnuna lit-tfal vulnerabbli b'għotja ta' medja ta' €10,000 fis-sena lil kull kap ta' skola tal-Istat minn kinder sa sekondarja b'nefqa ta' €1m, biex jaraw li t-tfal taħt is-superviżjoni tagħhom ma jkunux neqsin minn affarijiet bħall-ikel jew riżorsi bażiċi.

Żieda fil-bonus għal twelid ta' tarbija jew adozzjoni. Dan se jiżdied b'€100, minn €300 se titla' għal €400. Madwar 4,000 ġenitur mistennija jibbenefikaw minn din iż-żieda f'dan il-bonus b'investiment ta' €0.5m.

Żieda fl-allowance għal tfal b'diżabilità b'€5 li minnha jibbenefikaw madwar 1,700 familja. In-nefqa totali hi ta' €0.5m.  

“Dan huwa gvern li se jkun hemm għal uliedna, gvern li verament jinteressah mill-interessi tal-anzjani, tal-familji u tat-tfal. Gvern li se jinvesti mal-€1.2 biljuni f'benefiċċji soċjali, is-sena d-dieħla, u dan hu għax nemmnu li għandna nkomplu nagħtu imbuttatura lil kull minn hu fil-bżonn. Aħna nibqgħu il-partit u l-gvern li dejjem emminna fil-ġustizzja soċjali u dejjem ipprattikajna bil-fatti s-solidarjetà soċjali.

“Din hi Malta li rridu nħallu għal uliedna", ikkonkluda l-Ministru Michael Falzon.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Il-ministeru soċjali b’allokazzjoni finazjarja ta’ €1.8 biljun għas-sena 2022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Il-ministeru soċjali b’allokazzjoni finazjarja ta’ €1.8 biljun għas-sena 2022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SOLIDARJETÀ U L-ĠUSTIZZJA SOĊJALI, IL-FAMILJA U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Il-ministeru soċjali b’allokazzjoni finazjarja ta’ €1.8 biljun għas-sena 2022
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow