Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI L-arti, il-kultura u l-kreattività ċentrali f’Malta li Rridu għal Uliedna

pr211922
Date Icon 21/10/2021

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera indirizza konferenza tal-aħbarijiet bit-tema 'Malta li Rridu għal Uliedna', fejn tkellem dwar kif il-Baġit 2022 wera fiduċja fis-settur artistiku u kreattiv kif ukoll jaħseb għall-futur sostenibbli tas-settur kulturali u kreattiv Malti. Sostna li f'dan il-perjodu ta' rkupru mill-pandemija l-Gvern xorta sab il-fondi meħtieġa sabiex ikompli jistimula u fl-istess waqt jipproteġi s-settur kulturali, fejn rajna żieda ta' 9 miljun ewro fuq il-baġit li għadda.

Il-Ministru sostna kif matul din is-sena, b'investiment totali ta' €5.62 miljuni, ġew maħruġa 14-il skema li jappoġġjaw l-irkupru tas-setturi kulturali u kreattivi ta' pajjiżna. F'dan il-baġit ġew mħabbra diversi miżuri oħra li jkomplu fuq din il-ħidma, fosthom €1 miljun għal skema ta' garanzija għall-attivitajiet artistiċi indipendenti sabiex jiġu rkuprati spejjeż minħabba r-restrizzjonijiet mhux mistennija; €1 miljun għal skema ta' għajnuna għal proġetti artistiċi indipendenti; €2 miljun għall-iskema ta' għajnuna li tingħata għal seats li ma jkunux jistgħu jinbiegħu minħabba r-restrizzjonijiet ġodda fuq l-avvenimenti. Il-Ministru tenna li permezz tal-miżura l-ġdida mħabbra fil-Baġit fejn ir-rata ta' taxxa tad-dħul għall-artisti ser tkun mnaqqsa għal 7.5%, twettqet wegħda oħra elettorali tal-Manifest 2017.

Il-Ministru spjega li l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, għas-sena li ġejja, qed tħejji programm kulturali varjat li ser jarrikixxi l-ħajja kulturali ġewwa l-Belt Valletta, inkluż numru ta' attivitajiet għal żmien il-Milied. Dan huwa mezz ukoll ta' kif din l-Aġenzija tagħti spinta lill-ħajja ekonomika tal-Belt Valletta. Huwa kompla li matul din is-sena kompliet il-ħidma sabiex ressaqna il-Festa Maltija,  li hija sinonima u parti integrali mill-identita tagħna l-Maltin, biex tiġi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala wirt dinji. Dwar il-Festival Kanzunetta Maltija – MużikaMużika, il-Ministru saħaq li l-Baġit irrikonferma s-suċċess ta' dan il-festival li rritorna din is-sena billi ingħatat żieda sostanzjali sabiex jerġa jiġi mtella b'suċċess f'Marzu li ġej, flimkien bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Il-Ministru Herrera ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin Festivals Malta ser toħroġ sejħa b'tender għal trailers u trakkijiet li ser jitpoġġew għad-disposizzjoni tad-dilettanti u l-artisti tal-karnival tul l-erba snin li ġejjin. “Dan sabiex meta jasal il-waqt li niċċelebraw il-Karnival kif normalment nagħmlu aħna l-Maltin, inkunu nistgħu nserrħu moħħna dwar is-sigurta tal-makkinarju li jintuża, kif ukoll fl-istess waqt inkunu konxji tal-ambjent billi ser ikunu qed jintużaw vetturi li jniġġżu anqas. Dan huwa pass kuraġġuż li ser iwassalna għal żvilupp pożittiv ieħor ta' kif norganizzaw l-karnival f'pajjiżna."

Huwa kompla li għas-sena 2022 Heritage Malta ngħatat €3.7 miljuni għall-proġetti ta' rinnovar u restawr fil-mużewijiet u siti storiċi fi ħdana. Fost il-ħidmiet tagħha, ser jsir xogħol fuq il-mafkar tal-qanpiena tal-Assedju l-Kbir ġewwa l-Belt Valletta fejn Heritage Malta ser tkun qed tagħmel tiswijiet u konservazzjoni neċċessarja sabiex dan il-monument importanti jibqa' jitgawda minn uliedna. Heritage Malta ser twaqqaf ukoll taqsima speċjalizzata dwar l-immaniġġjar tal-Belt Valletta. L-għan ta' din it-taqsima huwa li jkompli jixpruna l-bżonnijiet tal-Belt Kapitali tagħna u b'hekk tabilħaqq iżomm isimha fil-Lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO. Din it-taqsima ser tkun responsabbli li tħares l-assi storiċi u l-manutenzjoni tal-Belt Valletta.

F'dak li jirrigwardja xogħolijiet ta' restawr, matul is-sena li ġejja d-Direttorat tar-Restawr ser ikompli jimplimenta u jwettaq xogħol ta' restawr, konservazzjoni u riabilitazzjoni tal-wirt kulturali arkitettoniku ta' Malta, sabiex jiżgura li dan il-patrimonju uniku jiġi ppreservat għal uliedna. Dan il-baġit ra illi jsostni dan ix-xogħol tant importanti billi jalloka €2.7 miljuni fondi nazzjonali għar-restawr ta' forti, siti storiċi u fortifikazzjonijiet. Ser jitkompla wkoll r-restawr fuq il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta u l-Oratorji annessi mal-Knisja fejn gew ivvutati €1 miljun. Filwaqt li s-sena li ġejja ser jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-galleriji artistiċi u fuq l-binja li ser tospita l-uffiċini amministrattivi tal-MICAS.

Il-Ministru semma wkoll l-importanza tal-Gvern Lokali fil-komunitajiet tagħna u dan ser ikun sostnut b'qafas ġdid ta' politika li ser tindirizza l-bżonnijiet fil-komunitajiet li ngħixu fihom, b'viżjoni li ser tkopri l-10 snin li ġejjin. Matul is-sena d-dieħla ser jerġgħu jinħarġu numru ta' skemi ta' finanzjament lill-Kunsilli Lokali u Reġjonali, fejn ġew ivvuttati €3 miljun. Spjega wkoll li kien hemm żieda ta' €1 miljun fl-allokazzjoni lill-Gvernijiet Lokali, kif ukoll ser titkompla l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-ICT għall-Gvern Lokali.

“Dan il-Gvern tul dawn l-aħħar 8 snin ma waqafx jaħdem fl-interess tal-arti, tal-kultura u tal-protezzjoni tal-wirt nazzjonali tagħna. Bħalma rnexielna ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, tal-artisti u tal-kreattivi tagħna, żgur ma kinitx ħa tkun il-pandemija u l-effetti li ġabet magħha li twaqqafna milli nsibu s-soluzzjonijiet sabiex insostnu dak li nemmnu fih, dak li nagħtu valur lil dak li jagħmilna min aħna, li nagħtu futur u nħallu kundizzjonijiet li jixierqu lil min jaħdem f'dan is-settur u li lill-uliedna nħalluwlom pajjiż aħjar milli sibna," kkonkluda l-Ministru Herrera.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI L-arti, il-kultura u l-kreattività ċentrali f’Malta li Rridu għal Uliedna
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow