Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Baġit li poġġa l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-ippjanar fuq quddiem nett

pr211904
Date Icon 19/10/2021

Il-baġit preżentat din il-ġimgħa kompla jtella’ l-ambjent fil-kuntest wiesa’ tiegħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż bi pjan fit-tul. Malta se tkompli għaddejja b’ritmu mgħaġġel fit-trasformazzjoni ekoloġika tagħha, il-mixja tagħna minn ekonomija lineari għal waħda ċirkulari u riformi tanġibbli f’setturi sensittivi bħall-industrija tal-kostruzzjoni u l-ippjanar b’miżuri u inċentivi li se jkomplu jġibu l-bidla meħtieġa.

Hekk stqarr il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt konferenza stampa flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.

Strateġiji u inizjattivi ambjentali ta’ Gvern progressiv

“L-impenn tagħna għal ambjent aħjar imur lil hinn mill-istqarrijiet bil-fomm, lil hinn minn wegħdiet bla sustanza jew riċiklati. Bil-fatti qed inpoġġu l-investiment neċessarju biex nixprunaw l-ambjent ’il quddiem konxji mill-fatt li dan hu settur li hu kontroversjali fih inniffsu. Kburin li qegħdin inżidu l-allokazzjoni finanzjarja fl-ambjent ta’ pajjiżna u dan minkejja l-impatt finanzjarju li ġabet magħha l-pandemija. Qed nagħmlu investimenti bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna, fuq quddiem nett it-tibdil fil-klima u l-ekonomija l-ħadra, l-immanniġġjar tas-siti ambjentali, l-afforestazzjoni u t-tħaddir fl-urban, l-immaniġġjar tal-iskart, u l-ippjanar u l-kostruzzjoni sostenibbli. L-inizjattivi li ħadna, l-istrateġiji li fassalna u l-pjanijiet li tellaqna jirriflettu l-għatx għall-bidla ta’ Gvern progressiv u r-rieda li nassiguraw ambjent aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Qegħdin nuru biċ-ċar li rridu nagħtu spazji miftuħa u siguri ’l bogħod mid-dħaħen, anke fl-urban. Spazji ħodor fejn in-nies ikunu jistgħu imorru jirrikrejaw irwiehom viċin djarhom,”  stqarr il-Ministru Farrugia.

Żewġ proġetti ta’ infrastruttura ambjentali fuq l-aġenda għax-xhur li ġejjin

Il-Ministru spjega li l-Gvern mexa ’l quddiem fuq  żewġ proġetti kbar ta’ tħaddir fl-urban u ta’ mitigazzjoni tal-impatt ta’ traffiku intensiv. “Fil-proġett tat-tisqif tal-mina f’Santa Venera, il-Gvern mexa ’l quddiem b’iktar studji elaborati minn dawk inizjali li kienu saru fl-2019 u qed jaħdem fuq il-finanzjament ta’ dan il proġett fejn qed jiġi wkoll ikkunsidrat il-kunċett ta’ public-private partnership. Dan għaliex in-nies ta’ l-akwati, il-Vendiriżi, jixriqilhom l-aħjar. L-istess livell ta’ bidla irridu nwassluh ukoll fi triq Sant’Anna l-Furjana fejn ninsabu llum u fejn wara l-istudji ġeoloġiċi issa se nimxu għal studji tal-impatt fuq it-traffiku, studji strutturali u arkeoloġiċi, dawk ambjentali u ta’ landscaping  biex din l-arterja traffikuża tinbidel fi ġnien li jibqa’ sejjer sal-belt Valletta,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru qal li x-xogħol fuq l-ispazji miftuħa u żoni ħodor ġodda fl-urban f’Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi, il-Ħamrun, u l-Mosta, x-xogħlijiet ta’ rinovar fil-ġonna ta’ San Anton, diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban bħal dawk tal-Liċeo San Ġorġ Preca, Romeo Romano, Ġnien Spencer u l-Ġnien tal-Belveder, se jitlestew sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Protezzjoni tal-ambjent

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) se tkompli tfassal il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni fuq siti tan-Natura 2000, filwaqt li jintensifikaw ix-xogħlijiet fuq Kemmuna, il-Magħluq ta’ Marsaskala, il-Victoria Lines u l-Għadira s-Safra. Il-Ministru fakkar ukoll fl-akbar investiment fl-immaniġġjar tal-iskart li qatt ra f’pajjiżna, dak ta’ €500 miljun għal kumpless ECOHIVE li bih pajjiżna se jkompli miexi mill-miżbliet għal spazji miftuħa, mill-iskart għar-riżorsa. Fl-ewwel kwart tas-sena d-diehla nagħtu bidu għal-bini tal-waste-to-energy plant.

Ippjanar intelli[enti u preservazzjoni tal-wirt

Il-Ministru qal li fil-qasam tal-ippjanar ukoll tħabbru miżuri li se jkomplu jsebbħu l-ambjent urban u jippreservaw il-wirt Malti. Huwa qal li l-Gvern qed jinċentiva ix-xiri ta’ djar vakanti kif ukoll l-iżvilupp ta’ djar bi stil tradizzjonali permezz ta’ diversi skemi nkluż it-tneħħija  tat-taxxa tal-boll jew taxxa fuq il-qligħ kapitali fuq il-bejgħ ta’ proprjetajiet vakanti, proprjetajiet f'UCAs jew propjetajiet li għandhom karatteristiċi tradizzjonali Maltin.

L-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tniedi wkoll politika tal-estetika biex nimxu lejn ippjanar isbaħ li jixraq lill-gżejjer tagħna. Bl-istess mod se tkun qed tagħti bidu għal studju dwar inċentivi ghal żvilupp komprensiv bil-għan li nindirizzaw żoni b’bini abbandunat u dawk hekk imsejħa pencil developments. Dan filwaqt li se tibqa’ għaddejja l-ħidma għal bidla fil-pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp.

“Dan huwa baġit li fil-qasam ambjentali se jkun qed iwassal lil pajjiżna biex jagħmel il-pass li jmiss li bih se nilħqu aktar l-aspirazzjonijiet ambjentali tal-poplu Malti u Għawdxi. Din hi l-Malta li rridu nħallu lill-uliedna,” qal il-Ministru Farrugia.

Kostruzzjoni sostenibbli

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li dan huwa baġit li juri verament il-kredenzjali soċjal demokratiċi tal-Gvern. Dan huwa baġit mimli miżuri soċjali li partikolarment ser jolqtu pożittivament lill-familji tagħna, lill-pensjonanti u lil dawk l-aktar vulnerabbli. Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza tat-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li issa qed taħdem sabiex fiż-żmien li ġej ikomplu joħorġu regolamenti ġodda li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni. Semma regolamenti fuq il-ħiliet minimi tal-ħaddiema fis-settur u l-liċenzjar tal-kuntratturi.

Hu qal ukoll li waslu fi stadju finali l-ewwel partijiet tal-Kodiċi Nazzjonal tal-Bini. Is-Segretarju Parlamentari tenna li fiż-żmien li ġej ser ikun hemm ukoll tibdiliet fil-ħinijiet fejn jista’ jsir skavar u twaqqiegħ ta’ bini.

Hu żied li dawk li jaħdmu fis-settur tal-bejgħ tal-propjetà ser ikunu obbligati li jkollhom liċenzja sa Jannar 2022. Qal li fl-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena saru 10,440 kuntratt ġdid b’valur komplessiv ta’ iktar minn 2 biljun ewro. Fl-istess perjodu fl-2018 kien hemm 9,400 kuntratt b’valur ta’ iktar minn biljun ewro. Iż-żieda din is-sena imqabbla mas-sena 2018 hi ta’ madwar 500 miljun ewro. Hu għalaq billi rringrazzja lil kull min jagħmel parti minn dawn l-oqsma tas-sehem importanti li taw fit-tkabbir ekonomiku li kellna fl-aħħar snin.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Baġit li poġġa l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-ippjanar fuq quddiem nett
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR Baġit li poġġa l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-ippjanar fuq quddiem nett
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow