STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANI U L-ANZJANITÀ ATTIVA: Appoġġ u sostenn għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-anzjani tagħna
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia sostna li l-Baġit 2022 qed ikompli jibni fuq id-diversi inizjattivi li ddaħħlu fl-aħħar tmien snin. Dan hu possibbli għax qegħdin viċin in-nies, u l-Baġit 2022 hu mibni għall-bzonnijiet tan-nies.
“L-anzjani se jkunu jistgħu jgawdu kwalità ta’ ħajja aħjar kemm bix-xita ta’ benefiċċji u żidiet li se jgawdu minnhom, kif ukoll b’aktar mediċini diversi fil-formularju. Jaraw titjib sostanzjali fid-diversi servizzi li jingħatawlhom, hekk ukoll fil-Faċilità fit-Tul San Vinċenz de Paul u fid-djar tal-anzjani tal-gvern”, qal il-Ministru Michael Farrugia.
Qal ukoll li d-diversi proġetti li ġew implimentati u se jkomplu f’San Vinċenz de Paul se jgħinu lill-anzjani f’din il-faċilità jgħixu ħajja aktar komda u b’inqas skariġġ, fosthom:
• CT Scanner
• Occupational Therapy
• Hydrotherapy
• Day Hospital u Outpatients Clinic.
Ħabbar ukoll li se jinbeda x-xogħol ta’ rinnovar fi tliet swali; se tinbeda ħidma għal Integrated Pathways mal-Ministeru għas-Saħħa biex inqas residenti jkollhom bżonn imorru l-Isptar Mater Dei; se jkun hemm Wi-Fi madwar San Vinċenz de Paul kollu; spiżerija; faċilitajiet ġodda għall-ħaddiema; garaxx mgħammar biċ-charging pillars; kif ukoll taqsima kontra t-tifi tan-nar.
Fil-qasam ta’ għajnuna lill-anzjani fil-komunità u dawk fid-djar tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia elenka lista ta’ miżuri li se jiġu implimentati mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jsir il-ftuħ ta’ day/night shelter fin-naħa tan-nofsinhar ta’ Malta – speċifikament f’Ħal Safi; se jibda l-iskavar għal dar tal-anzjani ġdida fl-Imsida; se jsir iddisinjar ġdid għal dar tal-anzjani fil-Mosta; se jkompli s-servizz tas-Silver-T madwar Malta u Għawdex; u se ssir ukoll l-allokazzjoni ta’ €2.5 miljun għal xiri ta’ aktar sodod fil-komunità.
Permezz ta’ ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Anzjani se jitwaqqfu sheltered accomodations għall-anzjani fis-Siġġiewi u Birkirkara, filwaqt li se jinbeda wkoll proġett ta’ outreach ħalli jintlaħqu aktar anzjani fil-komunità, b’mod speċjali dawk li jinħtieġu l-għajnuna.
Il-ministru kompla jelenka wħud mill-miżuri li tħabbru fil-Baġit 2022 għall-anzjani f’pajjiżna fosthom titjib fil-kwalità tal-ħajja. Skont il-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea rifless fl-aħħar statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ġie nnutat li r-rata ta’ anzjani f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali naqset bi 2.2% meta mqabbla mal-2019.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li għat-tmien darba konsekuttiva dan il-baġit qed jagħti żieda fil-pensjonijiet. Numru sostanzjali ta’ anzjani se jkunu qed jaraw żieda ta’ bejn €10 u €15 fil-ġimgħa.
Il-Ministru Michael Farrugia semma wkoll l-għajnuna supplimentari li se jibdew jirċievu l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena, li awtomatikament se jibdew ikunu eliġibbli għall-għajnuna medika bla ħlas u mingħajr il-bżonn li jsir test tal-mezzi.
Barra minn hekk se jkun hemm ukoll:
• żieda ta’ €50 għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena li jgħixu fil-komunità jew f’dar tal-anzjani privata.
• żieda fil-benefiċċju tal-Carer at Home minn €6,000 għal €7,000 fis-sena.
• żieda fir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice biex minn sussidju ta’ €5.50 fis-siegħa dan jitla’ għal €7 fis-siegħa.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li jemmen li, issa li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali implimentat l-Istandards Soċjali Regolatorji li bihom tirregola l-faċilitajiet u l-proċeduri li permezz tagħhom joperaw id-djar residenzjali għall-anzjani, se tkompli ssir ħidma biex jissaħħaħ u jiżdied l-ispettorat għall-aħjar servizzi għall-anzjani.
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha li b’xi mod għenu u kkoperaw fiż-żminijiet diffiċli tul il-perjodu tal-pandemija u l-mod professjonali li ħadmu bih, il-ministru sostna li madankollu xorta waħda rridu nibqgħu viġilanti fil-kwistjoni tal-pandemija tal-COVID-19. Qal ukoll li bħalma l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali – permezz tat-tim tagħha u bl-assistenza ta’ setturi oħrajn fi ħdan dan il-ministeru – għenet lid-djar tal-anzjani jaslu biex illum il-ġurnata ma hemm l-ebda każ ta’ COVID-19 fihom u lanqas f’San Vinċenz de Paul, se tkompli tkun ta’ għajnuna għalihom.
Il-Ministru Michael Farrugia temm jgħid li l-anzjani tagħna se jkompli jingħataw l-għajnuna sabiex ikomplu jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, b’pensjonijiet ogħla u servizzi aħjar – f’pajjiż b’saħħtu u ġust.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958