Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Il-Baġit 2022 ifisser iktar investiment fis-servizzi tas-saħħa

pr211891
Date Icon 15/10/2021

Il-baġit ippreżentat din il-ġimgħa se jkun qed jivvota s-somma rekord ta’ €972 miljun għall-qasam tas-saħħa għas-sena 2022 sabiex inkomplu ninvestu f’faċilitajiet, mediċini u servizzi ġodda u aħjar. Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn elenka l-prijoritajiet ewlenin tal-Ministeru għas-Saħħa għas-sena d-dieħla. 

B’investiment ta’ €9.9 miljun, huma mistennija li jiżdiedu iżjed mediċini fuq il-formularju tal-gvern fosthom mediċini għall-fibromyalgia, għall-osteoporosis, l-EpiPen fl-iskejjel, mediċini għaċ-ċirkolazzjoni, oħrajn tad-dermatoloġija u trattamenti psikjatriċi. Dan filwaqt li se jiżdiedu l-mediċini b’xejn għas-servizz tal-IVF. B’kollox hu stmat li se jibbenefikaw mas-60,000 pażjent ġdid minn dawn il-mediċini b’xejn. 

Id-Deputat Prim Ministru elenka wkoll il-proġetti kapitali li mistennija jibew jew jitkomplew tul is-sena d-dieħla fl-isptarijiet ewlenin bħal wing ġdida għad-dipartiment tal-Medical Imaging Ġdid f’ Mater Dei, xogħlijiet sabiex jikber id-Dipartiment tal-Emerġenza, ix-xiri tat-tielet Catheterization Suite f’ Mater Dei, CT scanner ġdid f’San Vincenz De Paul u MRI ġdid fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Chris Fearne irrefera wkoll għall-proġetti tal-outpatients block ġdid u tal-car park ġdid biswit l-Isptar Mater Dei li se jippermetti li jkun offrut parkeġġ b’xejn lill-viżitaturi. 

“Aħna nemmnu li s-servizzi li jistgħu jingħataw fil-komunità għandhom ikomplu jiżdiedu”, sostna l-Ministru għas-Saħħa filwaqt li spjega x-xogħlijiet li għaddejjin fiċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’ Raħal Ġdid kif ukoll il-ħidma li bdiet fuq iċ-Ċentru Reġjonali fit-Tramuntana ta’ Malta. Dawn iċ-ċentri reġjonali se jingħaqdu maċ-ċentri tas-saħħa ġodda li se jitlestew sal-bidu tas-sena d-dieħla fil-Gżira u fir-Rabat (Għawdex). Chris Fearne spjega li l-programm ta’ ftuħ ta’ bereġ ġodda se jissokta s-sena d-dieħla wkoll bil-bereġ ta’ Santa Luċija, Ta’ Giorni, Marsaskala, Ħal Tarxien, u s-Siġġiewi, fost oħrajn. 

It-titjib fis-servizz tal-kura tas-saħħa mentali se jkun prijorità fl-2022, b’iżjed xogħlijiet strutturali fl-Isptar Monte Karmeli li bħalissa qed jilqa’ mal-250 pazjent. Id-deputat prim ministru rrefera għall-ġnien terapewtiku li se jieħu post blokka antika li diġà twaqqgħet. Huwa sostna li l-pjan hu li Monte Karmeli jsir ċentru ta’ kura speċjalizzata għas-saħħa mentali u li s-servizzi akuti jibdew jingħataw fi sptar psikjatriku akut ġdid li se jittella’ fis-snin li ġejjin, b’investiment ta’ €65 miljun. Spjega wkoll li sakemm jitlesta dan il-proġett, fl-2022 hu mistenni li jinstab sit termporanju alternattiv għal dawn is-servizzi. 

Chris Fearne stqarr li wara s-suċċess tal-proġett pilota tar-Remote Patient Monitoring għall-pazjenti li għandhom id-dijabete tip 1 u li għandhom inqas minn 16-il sena, dan il-proġett se jkun estiż biex jilħaq iżjed pazjenti tul l-2022. 

Dan kollu se jimxi b’mod parallel mal-investiment tal-gvern fis-servizzi marbuta mal-COVID-19 fejn l-awtoritajiet tas-saħħa se jissoktaw bil-ħidma tagħhom sabiex jipproteġu lill-poplu Malti mill-imxija, fost oħrajn permezz tal-booster doses. 

Tnaqqis ta’ iżjed miżuri restrittivi 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat prim ministru ħabbar li sa issa ma kinux irreġistrati clusters tal-COVID-19 fl-iskejjel u għaldaqstant dan jippermetti li jitnaqqsu iżjed miżuri restrittivi. 

Minn nhar it-Tnejn, attivitajiet li jattendu għalihom persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin, se jkunu jistgħu jarmaw imwejjed bi tmien persuni, b’distanza ta’ metru u nofs (1.5m) bejn l-imwejjed jekk l-avveniment ikun ġewwa, jew metru (1m) bejn l-imwejjed jekk l-avveniment ikun barra. Id-deputat prim ministru spjega li din il-miżura tista’ tapplika wkoll għal tiġijiet b’mistiedna vaċċinati. Dan filwaqt li d-distanza għall-attivitajiet li jkollhom inqas minn 300 persuna se tinżel għal metru (1m) bejn siġġu u ieħor – din il-miżura tapplika wkoll għat-teatri u swali taċ-ċinema bi klijenti vaċċinati. 

Chris Fearne ħabbar li l-kapaċità tal-mezzi tat-trasport se titla’ għal 80% minn nhar it-Tnejn.

Huwa ħabbar ukoll li mil-lum Malta se tibda tirrikonoxxi ċ-Ċertifikati tal-Vaċċin tal-Armenja, il-Moldova, l-Iraq u l-Korea t’Isfel.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Il-Baġit 2022 ifisser iktar investiment fis-servizzi tas-saħħa
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Il-Baġit 2022 ifisser iktar investiment fis-servizzi tas-saħħa
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Il-Baġit 2022 ifisser iktar investiment fis-servizzi tas-saħħa
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow