Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb - Iffirmat ftehim sabiex għall-ewwel darba f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità

pr211870
Date Icon 09/10/2021

Waqt ċerimonja li saret fl-Għarb, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u ċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mal-President tal-Mental Health Association Pauline Camilleri, fetħu Dar Il-Kantuniera fil-qalba tar-raħal tal-Għarb. Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex,  il-Malta Trust Foundation u l-Mental Health Association Gozo sabiex jiġu offruti servizzi ġodda fil-komunità, ikluż l-akkomodazzjoni għal persuni bi sfidi ta' saħħa mentali.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li “l-qasam soċjali huwa dejjem prijorità fil-ħidma tagħna bħala Gvern u bħala Ministeru għal Għawdex u permezz ta' din id-Dar, għall-ewwel darba se nkunu qed noffru servizzi ġodda fil-qasam tas-saħħa mentali li se jingħataw fil-komunità stess. Konna kommessi li nwettqu dan il-proġett għaliex irridu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta' dawn il-persuni u nemmnu bis-sħiħ li l-kura fil-komunità hija ta' ħafna aktar ġid għall-individwu. Din id-Dar hi fil-fatt l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f'Għawdex."

Il-Ministeru għal Għawdex se jieħu ħsieb il-ħlas tal-kiri ta' Dar il-Kantuniera biex tiġi użata għal dan il-proġett, kif ukoll il-manutenzjoni tal-post u t-tindif u jipprovdi u jinstalla CCTV fuq il-post fost affarijiet oħra. Barra minn hekk, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jgħaddi lill-Malta Trust Foundation is-somma ta' €606,000 fuq medda ta' 3 snin biex jitħallsu l-ħaddiema li hemm bżonn biex titmexxa d-dar. Minn naħa tagħha l-Malta Trust Foundation f'kollaborazzjoni mal-Mental Health Association Gozo se jkunu qeghdin jieħdu ħsieb it-tmexxija tad-dar, il-programm terapewtiku u se jagħmlu tajjeb għall-ispejjes rikorrenti għall-ħtiġijiet tar-residenti.

Il-Ministru Camilleri spjega kif permezz ta' din id-dar se tkun qed titqajjem kuxjenza biex tinbidel il-preċezzjoni tan-nies u nippromwovu mġiba li tiffavorixxi saħħa mentali tajba.  

Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li “il-komunità hija komponent importanti ħafna fl-appoġġ li jkollhom bżonn diversi persuni bi sfidi ta' saħħa mentali.  Dar 'Il-Kantuniera' f'Għawdex se tkun qed tilħaq l-għan li tgħin fit-tħejjija ta' persuni bi sfidi ta' saħħa mentali biex jerġgħu lura fil-komunità tagħhom. Konvinta li dan l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f'Għawdex se jgħin bis-sħiħ biex kemm jista' jkun persuni bi sfidi ta' saħħa mentali ma jiġux istituzzjonalizzati fl-isptar, iżda jgħixu fl-ambjent tagħhom, bl-appoġġ dinjituż li jixirqilhom."

Min-naħa tagħha l-President tal-Mental Health Association Gozo s-Sa Pauline Camilleri qalet li “Il-Kantuniera hija dar unika tax-xorta tagħha għall-gżejjer Maltin li ser isservi ta' kenn temporanju għal persuni bi sfidi ta' saħħa mentali li ser jingħataw terapija kemm individwali kif ukoll fi gruppi. Id-dar ser isservi wkoll ta' pjattaforma għal tagħlim kemm għal studenti u professjonisti, kif ukoll għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-suġġett tas-saħħa mentali, bil-għan ewlieni jkun li titnaqqas kemm jista' jkun l-istigma li sfortunatament għandha assoċjata ma' dan is-suġġett."

L-Isqof Anton Teuma spjega li “lkoll kemm aħna għandna sehem fis-suċċess u fil-falliment ta' xulxin, kemm fuq livell uman u kemm fuq livell spiritwali. Ejjew ningħaqdu flimkien biex infittxu biss il-ġid ta' xulxin, speċjalment ta' min hu l-aktar dgħajjef."

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-ftuħ ta' Dar il-Kantuniera huwa xhieda ta' kemm dan il-Gvern verament jieħu ħsieb kull settur fis-soċjetà tagħna u jemmen li kulħadd għandu jkollu kwalità ta' ħajja tajba.


STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb - Iffirmat ftehim sabiex għall-ewwel darba f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb - Iffirmat ftehim sabiex għall-ewwel darba f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb - Iffirmat ftehim sabiex għall-ewwel darba f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Dar il-Kantuniera, l-Għarb - Iffirmat ftehim sabiex għall-ewwel darba f’Għawdex jiġu offruti servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali fil-komunità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow