Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI: Investiment infrastrutturali ieħor: €3 miljuni għal tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ f’Għawdex

pr211861
Date Icon 08/10/2021

Binja ta’ sular wieħed li nfetħet fl-1958 issa se tingħata dehra kompletament ġdida u moderna biex l-istudenti u l-edukaturi tal-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ, Għawdex, ikollhom ambjent xieraq u komdu b’investiment ta’ €3 miljuni.

“Proġett infrastrutturali ieħor flimkien ma’ dawk diġà mħabbra biex inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva ta’ uliedna u tal-edukaturi tagħna. Qed naraw li apparti titjib fi strateġiji u wkoll miżuri li qed indaħħlu fis-sistema edukattiva, inkomplu ntejbu wkoll l-ambjent infrastrutturali”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta tat id-dettalji ta’ dan il-proġett.

Il-proġett jinvolvi tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti u huwa intenzjonat li joffri spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u għall-edukaturi.

Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari. Permezz tal-proġett se tkun indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex tkun skont il-liġi.  

Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm u servizzi ta’ fire safety. L-iskola se jkollha wkoll għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim.

Bħalma qed isir fl-iskejjel kollha li qed jiġu rranġati, fil-binja se jiġu introdotti wkoll miżuri effiċjenti fl-enerġija skont kif mitlub mil-liġi.

L-iskola primarja fiż-Żebbuġ, li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex, kienet iddisinjata mill-Perit Joseph Huntingford u nfetħet fl-1958. Il-binja hi mifruxa fuq madwar 2,300 metru kwadru.

Biex ix-xogħol isir b’ritmu mgħaġġel u biex ikunu mħarsin it-tfal u l-edukaturi, sakemm isir ix-xogħol, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post tal-iskola eżistenti biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent tal-iskola tagħhom li huma mdorrijin fih.

Il-permessi tal-ippjanar ħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar u t-tender se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan il-proġett qed tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada. Preżenti għat-tnedija tal-proġett kien hemm ukoll il-Kap tal-Iskola Sandra Casarini, il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young u s-Sindku ta’ Żebbuġ Nicky Saliba.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI: Investiment infrastrutturali ieħor: €3 miljuni għal tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ f’Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI: Investiment infrastrutturali ieħor: €3 miljuni għal tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’ Żebbuġ f’Għawdex
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow