STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Inawgurata sala ġdida fl-Isptar Mater Dei
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura sala ġdida speċjalizzata fl-Isptar Mater Dei biex tilqa’ fiha pazjenti li jkollhom bżonn kura aktar intensiva wara jew qabel operazzjoni maġġuri.
Il-pazjenti fis-Surgical High Dependency Unit ikollhom bżonn kura iżjed minn sala normali, iżda mhux daqs kemm tingħata fl-ITU.
“Din is-sala se tkun qed tippermetti li nagħmlu iżjed operazzjonijiet maġġuri, kien hemm każijiet fis-snin u xhur li għaddew fejn operazzjonijiet kellhom jitħassru minħabba li l-pazjent wara l-operazzjoni jkollu bżonn kura instensiva u ma jkunx hemm post l-ITU għax ikun meħud b’każijiet aktar urġenti, għaldaqstant din is-sala se tgħin biex dawn il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu kkurati. Din is-sala tagħti anke serħan il-moħħ lit-team ta’ kirurgi f’Mater Dei li jafu li wara l-operazzjoni l-pazjenti tagħhom se jkollhom sala u team dedikat ta’ nies iħarsu l-bżonnijiet tagħhom. Hija ta’ importanza wkoll hekk kif illum ninsabu f’punt fil-pandemija fejn qegħdin nirkupraw mill-interventi kirurġiċi li tlifna fis-snin u xhur ta’ qabel sabiex stajna nieħdu ħsieb pazjenti bil-Covid-19 speċjalment dawk fl-ITU”, qal id-Deputat Prim Ministru.
Żied jgħid li minħabba l-kura intensiva li kellu jagħti l-isptar lill-pażjenti bil-COVID-19 fl-eqqel tal-pandemija, żdied ż-żmien ta’ stennija għall-maġġoranza tal-operazzjonijiet f’Mater Dei, għal żmien li huwa itwal minn dak li stabbilit fil-Patient Charter. Spjega li f’Lulju 2021, meta pajjiżna beda jirkupra mill-pandemija, kien hemm 5,954 pazjent jistennew operazzjoni, u li biż-żieda fl-ammont ta’ operazzjonijiet li jsiru ta’ kull ġimgħa, sa Settembru 2021 din il-figura naqset għal 3,380.
“Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin l-impenn tagħna hu li nnaqsu l-listi ta’ stennija għal li kienu qabel il-pandemija jew aħjar. Din is-Surgical High Dependency Unit hija waħda mill-fatturi li se twassal għal dan. Fost oħrajn bħalissa qegħdin nagħmlu operazzjonijiet anke fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, kif ukoll qed nagħmlu operazzjonijiet fi sptarijiet privati mħallsa mill-Gvern”, qal Chris Fearne.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Clinical Chairperson tal-Isptar Mater Dei, Mr Gordon Caruana Dingli, u lill-kirurgu responsabbli mis-sala, Mr Jo Etienne Abela.
Il-programm ta’ tilqim tal-booster dose miexi b’ritmu tajjeb
Intant, waqt li ta l-aħħar żviluppi f’dak li għandu x’jaqsam mal-pandemija, id-Deputat Prim Ministru qal li 96% tal-anzjani fid-djar tal-anzjani u 71% ta’ dawk li huma immunosopressi ngħataw il-booster dose tal-vaċċin.
Fearne innota li l-booster dose qiegħda taħdem sew hekk kif b’mod drastiku naqsu l-każijiet tal-COVID-19 fid-djar tal-anzjani. Huwa ħabbar li mill-bidu ta’ Diċembru se jibdew jingħataw il-booster dose il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, il-carers li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, l-ispiżjara li jaħdmu fil-komunità, persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet u kif ukoll l-għalliema.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li se jibda jinħareġ iċ-ċertifikat tat-tilqim lil dawk ir-residenti Maltin li jkunu ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin f’ pajjiż ieħor Ewropew u t-tieni doża tal-vaċċin f’pajjiżna.
Dwar l-użu tal-maskri mill-istudenti fl-iskejjel, il-Ministru għas-Saħħa qal li waqt il-vaganzi ta’ Novembru se tkun analizzata d-data dwar il-każijiet pożittivi tal-COVID fl-iskejjel biex b’hekk ikun deċiż jekk għandhomx jieqfu jkunu obbligatorji l-maskri fil-klassijiet. Dwar każijiet pożittivi fl-iskejjel, id-Deputat Prim Ministru qal li l-kuntatti ta’ tfal pożittivi jistgħu jagħmlu sebat ijiem kwarantina jekk it-tfal u l-ġenituri jkunu mlaqqma.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958