NINSABU IMPENJATI BIEX INSAĦĦU L-KOMPETITTIVITÀ, INŻIDU L-IMPJIEGI U NNAQQSU L-IMPATT FUQ L-AMBJENT
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, wieħed mill-kelliema ewlenin fil-Laqgħa Annwali tal-Forum dwar l-Ippakkjar tal-Iskart u Sostenibbiltà fi Brussell, nhar l-Erbgħa 25 ta’ Frar 2015, wassal il-fehma u l-ħsibijiet tal-Gvern Malti fuq dan is-settur.
Malta qed tħares b’ottimiżmu lejn l-isfidi li hemm fil-proċess tal-ippakkjar tal-iskart, u dan b’riħet il-pjan strateġiku nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart li ġie approvat f’Jannar tal-2014 bi qbil mal-partijiet involuti kollha. Il-pjan hu maħsub biex jgħin lil Malta tinqala’ mill-aħħar postijiet li ilha tokkupa sa mis-sħubija tagħha fl-UE fil-lista ta’ pajjiżi membri fejn jidħol l-iskart.
Il-Ministru Brincat qal li t-tħaddir tal-ekonomija huwa parti mill-qofol tal-aġenda tal-Gvern li hija msejsa fuq il-politika Ewropea dwar l-iskart permezz ta’ pjan formulat u mħaddem biex isaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli li jkun jiffoka fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà u fi proċess kontinwu ta’ konsultazzjoni.
Il-pjan jinkorpora fih il-politika dwar l-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll hemm fi ħdanu pjan li jnaqqas kemm jista’ l-ħolqien tal-iskart. Malta għandha l-miri ċari tagħha fil-qasam, speċjalment fejn jidħol il-proċess ta’ ġbir ta’ skart domestiku u kummerċjali u l-ġbir ta’ materjal reċiklabbli bil-għan li, skont il-liġijiet Ewropej, il-liġijiet Nazzjonali u permess ta’ skemi maqbula bejn kulħadd, ikun hemm sens akbar ta’ responsabbiltà u kompetittività f’dan is-settur.
Minkejja li għad baqa’ diffikultajiet fil-ġbir tal-iskart kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak kummerċjali, kien hemm żieda nkoraġġanti fil-għadd ta’ produtturi ta’ materjal reċiklabbli li rreġistraw ruħhom mar-regolatur fil-qasam. It-twaqqif tal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi għandu jgħin mhux ftit fl-infurzar meħtieġ.
L-isfida tal-materjal tal-plastik ukoll se tkun indirizzata. Il-potenzjal ta’ dan il-materjal fit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta’ impjiegi u l-kwalità tal-ħajja qiegħed hemm. Għal dan il-għan, fil-Baġit għall-2015 ikommettejna ruħna li ssir sejħa għal proposti mingħand stakeholders fil-qasam biex il-problema mill-iskart tal-plastik tkun missielta b’mod aktar aggressiv u ħolistiku.
Il-Ministru Brincat semma wkoll kif Malta hija impenjata tkompli ssegwi l-politika aġġornata tal-Unjoni Ewropea li trid tkun qed tagħti direzzjoni biex is-soċjetajiet tagħna ma jibqgħux aktar ibbażati biss fuq konsum bla rażan u jwarrbu l-materjal bl-addoċċ.
F’Malta, se tkun qed titnieda kampanja edukattiva għal għarfien aħjar dwar l-immaniġġjar tal-iskart bl-ispektrum sħiħ tas-soċjetà fil-mira tagħna lejn aktar separazzjoni, effiċjenza akbar fl-impjanti tat- trattament u l-ipproċessar, u tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ skart li jinxteħet fil-landfill.
Il-Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm aktar kontabbilità bla ma jitnawwar is-sens ta’ loġika meħtieġ f’dan il-qasam tant importanti għall-ambjent, l-impjiegi u l-ekonomija. Bi tmexxija tajba u b’immaniġġjar effettiv, dawn l-isfidi kollha jistgħu jintgħelbu biex isseħħ il-bidla mixtieqa u meħtieġa fil-proċess kollu kemm hu.
Il-Forum ġie indirizzat minn Karl Falkenberg - Direttur Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma’ diversi esponenti u esperti tal-Industrija tal-Ippakkjar tal-iskart u eNGOs.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046
pr150391c.pdf