INAWGURAT IL-BINI MILL-ĠDID TAL-GĦAJN TAL-ĦASSELIN, GĦAJNSIELEM
Il-Proġett tal-Kunsill Lokali Għajnsielem relatat mat-tieni skema għall-Kunsilli Lokali
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura l-bini mill-ġdid tal-Għajn tal-Ħasselin. Il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ibbenefika mill-għajnuna massima ta’ €70,000 mit-tieni skema ta’ eko-Għawdex għall-Kunsilli Lokali Għawdxin. Din l-iskema ġiet imnedija bl-għan li tinvolvi l-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi fit-twettiq tal-proġett eko-Għawdex, speċifikament b’miżuri mill-Pjan ta’ Azzjoni 2010-2012.
Dan il-proġett, li għadu kif ġie konkluż, kien jinkludi l-bini mill-ġdid tal-Għajn tal-Ħasselin, tindif ta’ parti minn Wied Simirat u xiri ta’ eko-trakk. L-istess eko-trakk inxtara f’Diċembru tal-2012 u qiegħed jintuża għax-xogħlijiet ġenerali fil-lokalità bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet f’Għajnsielem. Ix-xogħlijiet fil-wied tlestew f’Ġunju tal-2013 u qed jissarfu f’ħażna akbar ta’ ilma tax-xita waqt li ġiet eliminata il-problema tal-għargħar għal dawk ir-residenti li joqgħodu fl-inħawi. Issa tlestew ukoll ix-xogħlijiet fuq l-Għajn tal-Ħasselin, l-għajn li tat l-isem lill-istess raħal.
B’inizzjattivi bħal dawn u anke bl-għajnuna li qed jagħti l-Ministeru għal Għawdex lill-Paroċċa ta’ Għajnsielem għall-proġett tat-tisbieħ taz-zuntier, żgur li Għajnsielem se jara titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti filwaqt li jsir attrazzjoni għal diversi turisti.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046