TITNIEDA L-ISKEMA GĦALL-BEJGĦ TA’ GARAXXIJIET TAL-GVERN FIL-HOUSING ESTATES
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u Simplifikazzjoni Amministrattiva, l-Avukat Michael Falzon, illum nieda l-iskema għall-bejgħ ta’ garaxxijiet tal-Gvern fil-housing estates, liema skema hija waħda mill-miżuri mħabbra fil-budget taħt ir-responsabbiltà politika ta’ dan is-Segretarjat. F’konferenza tal-aħbarijiet, Michael Falzon semma kif permezz ta’ din l-iskema l-Gvern se joħrog għall-bejgħ il-garaxxijiet kollha li huma proprjetà tad-Dipartiment tal-Artijiet, li fil-preżent dawk li qed jokkupawhom qed iħallsu il-kera jew iċ-ċens lill-istess Dipartiment. Din l-iskema ma tinkludix garaxxijiet li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li din l-iskema tinvolvi żewġ tipi ta’ garaxxijiet: dawk li bniehom il-Gvern u qed jikrihom lil terzi persuni u każijiet fejn il-Gvern ta b’ċens temporanju biċċa art li mbagħad inbena garaxx fuqha minn min effettivament qed jokkupah illum. Semma wkoll li hemm okkazjonijiet fejn il-Gvern bena garaxxijiet fuq art li baqa’ ma akkwistax u li allura b’responsabbiltà, dawn se jiġu esklużi minn din l-iskema.
L-Avukat Michael Falzon għalaq billi qal li din l-iskema jistgħu jgawdu minnha bejn 2000 u 2200 familja, u li m’hemmx obbligu li wieħed jixtri. B’din l-iskema se jiżdied il-valur tal-proprjetà tad-dar li tkun qegħda fil-viċin jew anke tmiss mal-istess garaxx. Bħala parti mill-kundizjonijiet se jkun hemm li l-arja se tibqa’ proprjetà tal-Gvern u mhux se tkun qegħda tinbiegħ lis-sidien.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem wkoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Artijiet, is-sur Raymond Camilleri li fost oħrajn fisser kif din l-iskema se tkun miftuħa għal sena u minn nhar it-Tnejn wieħed jista’ jidħol u jniżżel l-applikazzjoni minn fuq is-sit www.gpd.gov.mt jew inkella jiġbor l-applikazjoni dirett mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046