IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ IAN BORG INIEDI L-ISTRATEĠIJA L-ĠDIDA TAL-FONDI REĠJONALI - GĦAX-XLOKK, IL-MAJJISTRAL U GĦAWDEX
‘Matul dawn l-aħħar ġimgħat kienet għaddejja ħidma sabiex jiġu żviluppati linji gwida ġodda dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-preparazzjoni tal-istrateġiji l-ġodda. Dawn il-linji gwida huma mfassla fuq rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, diversi rapporti u analiżi ta’ esperjenzi ta’ pajjiżi oħra u evalwazzjoni tal-programm LEADER għal Malta 2007-2013.’ Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg waqt li kien qed jindirizza seminar fil-Każin Banda Santa Marija Dingli maċ-Chairpersons u Managers tat-tliet gruppi ta’ azzjoni li huma responsabbli mill-ġestjoni ta’ dawn il-fondi – Xlokk, Majjistral u Għawdex.
Dr Borg saħaq li jekk wieħed iħares lejn l-aħħar seba’ snin ta’ LEADER f’Malta, nistgħu ngħidu li ma kienx proċess faċli minħabba li kienet politika ġdida li ġabet magħha stil ġdid ta’ ġestjoni tal-fondi. Madanakollu, is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li l-ewwel esperjenza ta’ dan il-programm kienet waħda pożittiva ħafna tant li, l-isfida li jmiss hi li nkomplu nagħmlu użu aħjar ta’ dan il-kunċett u li r-reġjuni jkomplu jagħmlu użu aħjar minn dan il-fond. Dan ifisser li, waqt li nkunu qegħdin niddisinjaw u niżviluppaw l-istrateġija ta’ żvilupp lokali 2014-2020, irridu niżguraw li l-miżuri proposti jirriflettu b’mod konkret il-prijoritajiet tal-komunità b’mod li jkunu aċċessibbli, effettivi u effiċjenti.
Dr Borg spjega kif dan il-programm sejjer igawdi wkoll minn allokazzjoni akbar ta’ fondi fejn minn €4.6 miljun għal 2007-2013 dawn sejrin jiżdiedu għal €6 miljuni. Minbarra dan, ġie nkluż aktar titjib fosthom żieda fl-allokazzjoni tal-fondi operattivi tal-Grupp Azzjoni Lokali (GAL) kif ukoll aktar awtonomija fil-ġestjoni tal-fondi.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li minn naħa tiegħu, se jkun qed jiżgura li kull GAL ikollu strutturi li jkunu demokratiċi, effettivi u trasparenti mingħajr kunflitti ta’ interess u li jkollhom il-ħiliet neċessarji li jamministraw dawn il-fondi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046