Left arrow Go Back

​ĦTIEĠA URĠENTI GĦAT-TWETTIQ TAL-PJAN TA’ AZZJONI GĦAL ŻVILUPP SOSTENIBBLI FIL-MEDITERRAN – IL-MINISTRU LEO BRINCAT

PR150313
Date Icon 17/02/2015

Dalgħodu, fil-Lukanda Excelsior, il-Furjana, ingħata bidu għall-konferenza li qed tiġi organizzata mill-Gvern Malti permezz tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima flimkien mal-Koordinament tal-Programm ta’ Azzjoni għall-Mediterran tal-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda (UNEP/MAP) u l-Plan Bleu, fejn qed jiġi diskuss l-ewwel abbozz tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-Mediterran (2016-2025) mal-istakeholders ewlenin tar-Reġjun. Il-konferenza nfetħet mill-Ministru Leo Brincat, u għal din il-konferenza, qed jattendu s-Sur Gaetano Leone, Koordinatur tal-UNEP/MAP u rappreżentanti oħra tal-istess UNEP/MAP, kif ukoll numru ta’ persuni ewlenin oħra fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli fil-Mediterran.

Waqt li tenna l-appoġġ ta’ Malta għal aġġornament tal-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ministru Brincat saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm strateġija li tkattar u tħeġġeġ għal ħidma koerenti bis-sehem ta’ dawk kollha li għandhom interess dirett fir-reġjun. Huwa qal li din il-ħtieġa tieħu dimensjoni ġdida bil-kisba mistennija ta’ ftehim dinji dwar il-klima meta l-għanijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-millennju jkunu qed jissarrfu f’għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, u għaldaqstant, tkun ikbar il-ħtieġa tat-twettiq, kemm jista’ jkun malajr, tal-pjan ta’ azzjoni dwar żvilupp sostenibbli fil-Mediterran.

Il-Ministru Brincat sostna li biex l-istrateġija ma tibqax fuq l-ixkaffa u ċ-ċittadini ma jibqgħux imċaħħda mill-benefiċċji tagħha, trid tirranka sewwa l-ħidma li tibdel il-frott tal-laqgħat u s-summits f’attività prattika u kollettiva favur l-iżvilupp sostenibbli b’risq il-pubbliku in ġenerali. Kull ħidma strateġika trid tkun marbuta mar-realtajiet tal-lum u msejsa fuq inizjattivi globali, reġjonali u lokali. Huwa semma l-ansjetà fost in-nies dwar il-ġejjieni u t-talba determinata tagħhom għal ħidma konkreta, dettaljata, prattika u urġenti.

Il-Ministru tkellem dwar l-interessi u l-isfidi komuni fir-reġjun u kif dawn jistgħu jintlaqgħu b’ħidma komuni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli li għandha l-għeruq tagħha fl-istorja komuni tal-pajjiżi tal-Mediterran. B’hekk, ikun qed jiġi assigurat ġejjieni sod u kompetittiv.

Il-Ministru Brincat saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż dak reġjonali, li ġġib magħha aktar kummerċ, investiment u mobilità fil-paċi u s-sigurtà.  Din il-konferenza għandha tibgħat messaġġ ta’ direzzjoni ċara għal bidla sħiħa hekk kif din is-sena, se jkunu qed iseħħu tliet avvenimenti importanti: it-Tielet Laqgħa Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar tal-Iżvilupp, is-Summit f’New York dwar is-Sostenibbiltà wara l-2015, u l-Konferenza kruċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Klima f’Pariġi f’Diċembru. “Kull pajjiż rappreżentat f’din il-laqgħa f’Malta, irid ikun lest iwieġeb kif se nkunu qegħdin naħdmu flimkien, fil-livell nazzjonali u reġjonali, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.”

Is-Sur Gaetano Leone, Koordinatur tal-UNEP/MAP qal li, l-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli tipprovdi qafas integrattiv għall-politika sabiex tintlaħaq il-viżjoni ta’ reġjun Mediterranju sostenibbli, kif ukoll sabiex jidħlu fis-seħħ policies dwar l-iżvilupp sostenibbli f’riparian countries.

Is-Sur Leone qal li din il-ġimgħa, f’Malta, permezz tal-proċess tar-reviżjoni tal-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli għandna quddiemna opportunità unika bħala mexxejja, esperti, stakeholders u ċittadini tal-Mediterran, sabiex nittrasformaw id-dinja tagħna.

Waqt din il-konferenza, il-kantanta lokali Ira Losco ġiet maħtura bħala Goodwill Ambassador għall-iżvilupp sostenibbli għall-Malta u ġiet mogħtija tifkira. Tkellmu wkoll is-Sur Najib Saab li huwa s-Segretarju Ġenerali għall-Forum Għarbi għall-Ambjent u l-Iżvilupp (AFED) u l-Professur Salvino Busuttil, President tal-Fondation de Malte.



pr150313d.pdfpr150313d.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow