STQARRIJA TAL-GVERN: IL-EUROSTAT TIRREVEDI ‘L FUQ IT-TKABBIR EKONOMIKU TA’ PAJJIŻNA
Fi stqarrija maħruġa llum il-Eurostat irrevediet ‘il fuq ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku osservata f’pajjiżna matul it-tielet kwart tal-2014. Filwaqt li l-ewwel stima kienet ta’ 3.8%, ir-rata ta’ tkabbir issa telgħet għal 4%.
B’riżultat ta’ din ir-reviżjoni, Malta kellha l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea bejn Lulju u Settembru 2014. Ta’ min jinnota li t-tielet kwart tas-sena huwa l-perjodu li fih l-aktar li jkun hawn attività f’pajjiżna minħabba n-numru ta’ turisti li jżuruna fix-xhur tas-sajf.
Din ir-reviżjoni ‘l fuq fiż-żieda tal-ġid nazzjonali wasslet ftit wara li, f’rapport ieħor tal-Kummissjoni Ewropea, t-tkabbir ekonomiku għal pajjiżna ġie wkoll rivedut ‘il fuq. Minkejja dawn ir-riżultati ekonomiċi pożittivi, l-Oppożizzjoni għadha qed issostni li pajjiżna għaddej minn problemi li jistgħu jwasslu lill-Gvern biex jitlob bailout finanzjarju.
Il-Gvern jemmen fil-potenzjal ekonomiku ta’ Malta u għalhekk fix-xhur li ġejjin se jieħu aktar miżuri li jkomplu jkabbru l-ekonomija u jkomplu joħolqu opportunitajiet għall-familji u negozji beżlin tagħna.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046