STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAĦĦA
Bħala soċjetà, kollha f’daqqa rridu nibnu ambjent san fejn uliedna jikbru b’saħħithom. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne waqt it-tnedija tal-Whole School Approach to Healthy Lifestyle flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo.
Dan id-dokument, imniedi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat tas-Saħħa, għandu l-għan li jeduka lit-tfal sa mill-iskejjel primarji biex jagħżlu ikel bnin għal saħħithom u jagħmlu eżerċizzju fiżiku.
Is-Segretarju Parlamentari qal li nofs it-tfal ta’ 11-il sena f’Malta għandhom problema ta’ piż żejjed, problema li ma teżistix biss f’Malta, iżda madwar l-Ewropa kollha.
“Għalhekk irridu nieħdu azzjoni minnufih. Din hija kwistjoni li tara gvern sħiħ u soċjetà sħiħa joħolqu ambjent adegwat għal uliedna biex fih ikunu jistgħu jikbru b’saħħithom,” qal Dr Fearne.
Huwa żied jgħid li l-obeżità u n-nuqas ta’ eżerċizzju jżidu r-riskju ta’ ċertru mard u kundizzjonijiet bħall-mard tal-qalb u anke xi tipi ta’ kanċer bħal dak tal-musrana, tal-prostata u tas-sider, mard komuni ħafna f’Malta.
“Huma ftit ħafna t-tfal Maltin li jagħmlu eżerċizzju fiżiku regolari. Barra li nedukaw lil uliedna dwar l-għażliet t-tajba għal saħħithom, irridu wkoll nedukaw lill-ġenituri u nagħmlulhom ambjent fejn dan kollu jkun possibbli,” tenna s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne.
Il-Ministru Bartolo qal li dan id-dokument jiftaħ it-triq biex anke l-iskejjel ikunu parti mis-soluzzjoni għal dawn l-isfidi. Il-Ministru spjega kif għandna ngħinu lit-tfal tagħna fl-għażliet nutrittivi tagħhom u li se jsir sforz biex ikun hemm iżjed spazju għall-eżerċizzju.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046