IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT JINDIRIZZA L-KONFERENZA NAZZJONALI DWAR IL-PRIVATE-PUBLIC PARTNERSHIP, 'ĦIDMA MAS-SETTUR PRIVAT - EKONOMIJA B'SAĦĦITHA'
Waqt il-Konferenza Nazzjonali li saret illum fil-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-fatt li din il-laqgħa qed issir, huwa minnu nnifsu sinjal b’saħħtu ħafna li, kemm is-settur pubbliku kif ukoll dak privat, għandu għal qalbu fattur komuni li jgħaqqad lil kulħadd: Pajjiżna.
Dr. Joseph Muscat tenna li lkoll kemm aħna għandna interess komuni biex pajjiżna jibqa’ miexi ‘il quddiem u biex nagħmlu dan irridu naħdmu b’sinerġija. L-ekonomija tal-pajjiż hija diġà b’saħħitha, madanakollu rridu nibnu fuq dan u l-ħidma diretta ta’ dawk li ġejjin mis-settur privat hija ta’ għajnuna kbira. L-ottimiżmu qiegħed hemm u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna miexi tajjeb ħafna. Malta kellha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, kompla jsostni l-Prim Ministru. Joseph Muscat jgħid li llum stess, fit-tbassir ekonomiku tagħha għax-xitwa, il-Kummissjoni Ewropea qalet illi Malta mhux biss żammet momentum ekonomiku qawwi iżda għandha ġejjieni sabiħ għal din is-sena. Il-Prim Ministru jtenni li dan kollu huwa dovut għall-fatt li qegħdin ninvolvu lis-settur privat fil-ħidma li sa llum il-ġurnata kienet ikkaratterizzata biss mis-settur pubbliku. Il-Prim Ministru jgħid li m’għandniex nikkuntentaw b’dak li l-Kummissjoni Ewropea tgħid li ser niksbu iżda għandna nimmiraw li mmorru aħjar minn dan l-istess tbassir u tenna li huwa fiduċjuż li dan iseħħ.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qabbel l-ekonomija ma’ katina u qal li huwa dovut għall-ħolqien ta’ klima ekonomika tajba biex l-intraprendituri jissugraw flushom u jkomplu jinvestu. Dan għaliex il-Gvern jemmen fil-privat u jemmen li l-privat joħloq il-ġid u joħloq ix-xogħol b’mod sostenibbli. Joseph Muscat irrimarka li f’pajjiżna teżisti kunfidenza ekonomika li hija l-ogħla waħda fost il-pajjiżi taż-żona ewro u stqarr kemm ħassu kburi l-bieraħ stess fil-laqgħa li kellu mal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel waqt li kienu qed jiddiskutu il-figuri ekonomiċi taż-żewġ pajjiżi. Rigward l-impjiegi, Dr. Muscat qal li għalaqna s-sena 2014 bir-rata tal-qgħad ta’ 5.8% li hija l-inqas livell storiku bħala perċentwali u qed jittama li din il-figura tkompli tinżel.
Il-Prim Ministru tenna li dan il-proġett qed jiġi mniedi bħala parti integrali minn platform illi nbeda fil-budget li għadda u li se jiftaħ orizzonti ġodda għall-ekonomija Maltija. Din hija sfida enormi għas-settur kemm pubbliku, li jrid jitgħallem aħjar kif għandu jaħdem mas-settur privat, kif ukoll għas-settur privat li issa ser ikollu spazju bla preċedent fejn jidħol u jimraħ f’oqsma li sa llum il-ġurnata huma meqjusa bħala monopolju tal-qasam pubbliku.
Punt li jxekkel u li jdejjaq lil kulħadd huwa l-burokrazija, kompla jgħid Joseph Muscat; l-istess burokrazija li hemm bżonn naqtgħulha l-ktajjen biex nimxu ’il quddiem. Il-Prim Ministru qal li matul il-ġimgħa li għaddiet, fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku, kien hemm numru ċar ta’ inizjattivi li rajnihom iħallu r-riżultat tagħhom. Il-Prim Ministru semma kif tul is-snin kien hemm ħafna ideat tajbin li ntilfu minħabba l-burokrazija żejda. It-twaqqif ta’ Projects Malta ser jgħin biex apparti li jinħolqu ideat ġodda, tingħaqad il-ħidma bejn ministeri u entitajiet differenti, biex il-proġetti mal-privat jitwettqu u jitwettqu fil-ħin. Il-Prim Ministru Joseph Muscat wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li minkejja li Projects Malta ilha biss ftit xhur imwaqqfa diġà għamlet xogħol siewi ferm u qal li huwa konvint li fi ftit tax-xhur oħra se nkunu qed nidħlu f’fażi interessanti mmens li fihom ser naraw riżultati f’oqsma differenti.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-Gvern huwa kommess li flimkien mas-settur privat jilħaq miri kruċjali u tenna li hemm bżonn li jinħoloq mindset ġdid, dak li nkunu iktar kreattivi bir-riżorsi li għandna. Huwa tenna li l-pubbliku mhux ser jaċċetta l-idea li kollox jgħaddi u bl-introduzzjoni tas-settur privat, il-pubbliku se jkun qed jistenna titjib. Joseph Muscat temm jgħid li l-bieraħ stess il-gvern Ġermaniż aċċetta t-talba ta’ Malta li jibgħatilna expertise għal Development Plan li ser tkun qed tgħin fit-tmexxija u s-setting-up tad-Development Plan sabiex dawn l-ideat kollha jitwettqu bl-aqwa mod.
Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, li huwa wkoll responsabbli mill-Public Private Partnerships. Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-esperjenza u l-kapaċitajiet tas-settur privat, jistgħu jwasslu għal sinerġiji ekonomiċi kbar u ħolqien ta’ aktar opportunitajiet, tkattir ta’ ġid ekonomiku, u tisħiħ u titjib fil-prodotti u s-servizzi provduti.
Huwa stqarr li l-Gvern jemmen fis-settur privat u sa mill-ewwel ġurnata dan il-Gvern, kellu l-viżjoni li jaħdem mas-settur privat permezz ta’ public private partnerships. Il-Gvern ma jistax jikkompeti mas-settur privat u għalhekk hu jrid jikkumplimenta lis-settur privat, biex ir-riżorsi li għandu pajjiżna jintużaw bl-aħjar mod.
Projects Malta, li twaqqfet f’Lulju li għadda, għandha żewġ għanijiet prinċipali: l-ewwel li tiffaċilità u tippromwovi proġetti li għandhom potenzjal ekonomiku u li jistgħu jinħadmu fuq mudell ta’ Gvern u privat u t-tieni li Projects Malta tkun il-mutur li jikkoordina entitajiet differenti fejn jidħlu proġetti ta’ PPPs.
Fost inizjattivi li qed taħdem fuqhom din il-kumpanija, hemm Yachting Malta, inizjattiva biex jissaħħaħ is-settur sportiv tal-ibburdjar u b’hekk tkun qed tinħoloq niċċa turistika ġdida, u Trade Malta, fejn il-Gvern u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija se jkunu qed jaħdmu biex ikun hemm sforz kollettiv biex pajjiżna jkun jista’ jisfrutta aħjar is-swieq internazzjonali.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046