Left arrow Go Back

KUNU KBURIN BL-UNIFORMI LI TILBSU U BIL-FORZA LI TIRRAPPREŻENTAW”- IL-MINISTRU CARMELO ABELA

pr150231
Date Icon 04/02/2015

Fil-futur qarib, il-possibilità li l-membri tal-forzi armati jkunu jistgħu jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom

Dalgħodu 117-il rekluta, 107 irġiel u 10 nisa bdew uffiċjalment il-karriera tagħhom mal-Forzi Armati ta’ Malta permezz taċ-ċerimonja tal-passing out parade li timmarka l-aħħar fażi tal-proċess li mexxa lil dawn ir-rekluti mill-ħajja ċivili għall-ħajja militari. F’din il-ġurnata ta’ sodisfazzjon, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela feraħ lil dawn ir-rekluti u fakkarhom li minn hawn ’il quddiem tibda l-mixja tagħhom li l-qofol tagħha hija r-rieda li sservi lil pajjizek.  “Kunu kburin li wasaltu s’hawn. Intom għażiltu li sservu lill-pajjiż u lill-poplu billi tidħlu għal xogħol f’forza dixxiplinarja u dan is-suċċess akkwistajtuh b’ħafna ħidma u dedikazzjoni”, qal il-Ministru Abela filwaqt li tenna l-investiment kontinwu fir-riżors uman b’taħriġ speċjalizzat biex jitjiebu l-ħiliet u jogħla l-livell tal-armata.

Il-Ministru Abela semma l-ħidma tal-gvern biex jibqgħu jissaħħu l-Forzi Armati ta’ Malta billi jiġi pprovdut apparat u tagħmir modern biex l-armata tkompli taqdi d-dmirijiet tagħha bl-aktar mod effiċjenti. Xhieda ta’ dan huma t-twin engine helikopters li l-AFM akkwistaw f’dawn l-aħħar xhur flimkien ma’ tagħmir u bini modern ieħor li jew ġie inawgurat jew qiegħed fil-proċess li jitlesta flimkien ma pjani oħra li mistennija jiġu konklużi fiż-żmien li ġej. Apparti minn hekk, fil-futur qarib, ser tiġi mwettqa wegħda elettorali oħra, il-possibilità li l-membri tal-forzi armati jkunu jistgħu jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom. Din mistennija li tiġi fis-seħħ wara li l-proposta tgħaddi mill-proċess kollu tal-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali tkellem ukoll fuq il-qasam ta’ rikonoxximent fl-AFM u irrefera għad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa mal-partijiet kollha kkonċernati sabiex l-istruttura tal-promozzjonjiet tal-Forzi Armati ta’ Malta tiġi msaħħa b’żewġ modi: billi tilqa’ iktar għall-ħtiġijiet tal-lum u toffri iktar opportunitajiet ta’ avvanz għas-suldati, u jitfassal proċess ġdid ta’ promozzjonijiet li joffri iktar trasparenza u oġġettività.

Fid-diskors tiegħu, il-Brigadier Jeffrey Curmi tkellem fuq l-isfidi li taffaċċja l-armata llum il-ġurnata, sfidi li huma pjuttost differenti minn kif kienu ftit tas-snin ilu, speċjalment fl-isfond ta’ dak li qed iseħħ madwarna. Huwa semma l-fondi li l-Armata qed jirnexxilha tikseb mill-Unjoni Ewropea li flimkien ma’ oħrajn lokali, qed iwasslu sabiex jinxtara tagħmir u apparat ġdid li jimmodernizza l-Forza. Il-Brigadier Curmi tkellem fuq il-ħidma li qed issir biex l-Armata jkollha struttura ġdida li tirrifletti iktar in-neċessitajiet  u r-realtajiet kurrenti. Din l-istruttura ġdida tinsab fil-fażi finali tagħha u ser tiġi diskussa mal-Ministru Carmelo Abela fiż-żmien li ġej. L-għan ta’ din l-istruttura għandu jwassal biex is-suldat jingħata iktar opportunitajiet ta’ avvanz. “Il-Forza kienet, għadha u tibqa’ toffri impjieg li hu ta’ għira għal ħafna impjiegi oħra. Biex inġib eżempju l-grupp li hawn quddiemna llum beda r-reklutaġġ wara proċess ta’ selezzjoni li kien jinkludi ’l fuq minn 900 ruħ”, ikkonkluda Curmi.  

Il-Ministru Abela u l-Brigadier Curmi rringrazzjaw lill-istaff kollu li ħarreġ lil dawn ir-rekluti  għal dawn l-aħħar 19-il ġimgħa b’taħriġ tant impenjattiv f’diversi oqmsa inklużi dak fiżiku, ċerimonjali u tal-armi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow